L-Ambaxxatur tar-Repubblika tas-Slovenja, Matjaž Longar, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Filwaqt li laqa’ lill-Ambaxxatur f’Malta fil-bidu tal-ħidma tiegħu, il-President Vella esprima l-konvinzjoni tiegħu li r-rabtiet b’saħħithom li hemm bejn Malta u s-Slovenja se jibqgħu jiffjorixxu u jissaħħu matul il-mandat tiegħu. Ir-relazzjonijiet issaħħew ferm permezz tas-sħubija fl-UE u l-kollaborazzjoni f’forums multilaterali. Il-President Vella fakkar iż-żjara reċenti f’Malta mill-President tas-Slovenja għal-Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE li saret fil-5-6 ta’ Ottubru 2022.
Il-President Vella u l-Ambaxxatur Longar qablu li l-iżviluppi fil-Mediterran jinsabu fil-qalba tal-politika barranija taż-żewġ pajjiżi, speċjalment issa li s-Slovenja ngħaqdet mal-grupp MED9 is-sena l-oħra. L-oqsma ta’ interess komuni f’dan ir-rigward mhumiex limitati għas-sigurtà u l-istabbiltà iżda jinkludu wkoll it-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-migrazzjoni.
L-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq livell globali ġie diskuss ukoll fit-tul b’enfasi partikolari fuq il-Balkani tal-Punent.


