Il-President George Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma essenzjali u imprezzabbli li ilha titwettaq mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – NAO. Waqt it-tnedija tal-ktieb “State Audit in Times of Transition – Reflections on Change and Continuity, Challenge and Opportunity from Malta and Beyond” maħruġ mill-NAO f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tiegħu, il-President Vella osserva l-maturità li hemm fir-rakkomandazzjonijiet u l-kritika ma’ kull rapport li jiġi ppubblikat mill-NAO.
L-aqwa premju, qal il-President, li jiksbu l-Awditur Ġenerali, id-Deputat Awditur Ġenerali u l-ħaddiema tal-NAO huwa li għandhom il-fiduċja tal-poplu. “Tul dawn l-aħħar 25 sena, spikkat l-ewwel nett l-indipendenza tal-Uffiċċju, li hija kruċjali u importanti għax ma jistax ikollok Uffiċċju bħal dan jitmexxa b’suċċess jekk ma jkunx totalment indipendenti. It-tieni ħaġa hija l-integrità assoluta ta’ min qed imexxi l-Uffiċċju u r-rapporti li joħorġu minn hemmhekk, li jispikkaw għax huma oġġettivi”, qal il-President waqt li nnota li l-fiduċja li jgawdi minnha l-NAO hija kompletament mistħoqqa.
Fir-rwol primarju u essenzjali f’demokrazija, qal il-President, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika huwa parti minn tranżizzjoni importanti li għaddej minnha l-pajjiż. Żied li flimkien ma’ partijiet ikkonċernati lokali u internazzjonali, l-NAO baqa’ dejjem jadatta għall-isfidi li jinħolqu bħalma huma l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, tensjonijiet politiċi, il-konsegwenzi devastanti ta’ pandemija, l-ordni internazzjonali mħarbat mill-gwerer u l-kunflitti u l-effett tagħhom fuq in-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija u tal-ikel.
Il-President Vella qal li f’dan l-isfond ta’ inċertezzi globali, iċ-ċittadin ifittex punt ta’ riferiment li joffri stabbilità u permanenza. Għaldaqstant, il-President żied li r-rekord eċċellenti li ħalla l-NAO jisboq is-sempliċi twettiq ta’ ħidma tiegħu ta’ kuljum u huwa fundamentali għas-sens kollettiv ta’ fiduċja tal-poplu.
“Aspett ieħor tal-ħidma tal-NAO li jolqotni huwa l-kontribut li jagħti biex ikompli jissaħħaħ il-profil internazzjonali ta’ pajjiżna”, qal il-President. Fil-ħidma u d-diskussjonijiet tagħhom mas-sħab barranin, żied il-President, l-uffiċjali tal-NAO huma dejjem eżempju tajjeb tal-istandards professjonali u etiċi li Malta ferm jixirqilha tiġi msemmija għalihom.


