The President of Malta

Mart il-President tqassam ċertifikati tal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni li saret fl-iskejjel għall-karus ta’ L-Istrina

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

F’attività l-Ħamis filgħaxija, is-Sinjura Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta, tat rikonoxximent lill-istudenti kollha li taw sehemhom fid-disinni ta’ fuq il-karusijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-karus tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign ser ikun magħmul mill-kartun riċiklabbli u minn tpinġijiet li pinġew it-tfal stess.

L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li tiġi sponsorjata mill-Bank of Valletta, issir fl-iskejjel kollha fl-aħħar ftit xhur ta’ kull sena bil-għan li jitħeġġeġ sehem it-tfal tal-iskola fil-ġbir li jsir għal The Malta Community Chest Fund Foundation u li jilħaq il-qofol tiegħu bix-xandira televiżiva ta’ L-Istrina li ssir l-għada tal-Milied.

Kienu ’l fuq minn 140 it-tfal tal-iskola li ħadu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġija li ġiet organizzata għal dan l-għan. It-tema tal-kompetizzjoni tat-tpinġija kienet ‘Infittxu dak li jgħaqqadna’ sabiex issir enfasi dwar l-importanza tal-għaqda nazzjonali.

Il-kompetizzjoni ġiet organizzata bl-għajnuna tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, bejn Marzu u Lulju 2021, u t-tfal issottomettew it-tpinġijiet tagħhom bil-posta elettronika.

Min-naħa tagħha, is-Sinjura Miriam Vella rringrazzjat lit-tfal għal sehemhom f’din il-kompetizzjoni u qassmet lil kull tifel u tifla ċertifikat tal-parteċipazzjoni.

Skip to content