The President of Malta

Search
Close this search box.

L-Ilsien Malti għal Qalbi

“Nibżgħu għall-Malti tajjeb”– il-President fit-tnedija ta’ ‘l-ilsien Malti għal qalbi’

Il-President ta’ Malta George Vella nieda l-kampanja nazzjonali ‘l-ilsien Malti għal qalbi’, b’kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba’ għaqdiet tal-Malti b’risq il-lingwa Maltija.

Fit-tnedija tal-kampanja fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President irrimarka dwar il-ħtieġa ta’ użu tajjeb tal-Malti. Qal li l-għan ta’ din il-kampanja mhuwiex li neskludu lingwi oħra biex indaħħlu l-Malti, imma li l-Malti jintuża fejn huwa bżonjuż bħala lingwa nazzjonali, u li fuq kollox jintuża b’mod tajjeb. Il-President Vella għamel referenza għal riċerka li saret mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università dwar il-qagħda tal-ilsien Malti, li turi b’mod ċar li 97% tal-Maltin jirrikonoxxu l-Malti bħala l-ewwel lingwa tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, il-President ikkummenta dwar l-importanza tal-Malti bħala għelm b’saħħtu tal-identità nazzjonali. Fid-dawl li l-ilsien Malti huwa parti mill-kultura u l-identità tagħna, il-President saħaq biex nibżgħu għalih għax huwa wkoll element li jgħaqqadna. Bil-għan li l-lingwa nżommuha ħajja u attiva, il-President appella għal aġġornament kontinwu li jirrispetta l-għeruq u l-istruttura tal-lingwa aktar milli aġġornament ta’ konvenjenza ta’ x’jaqbel nieħdu.

Il-President Vella qal li għandu jkun hemm iktar okkażjonijiet fejn nesprimu ruħna bil-Malti, u appella biex fix-xandir, b’mod partikolari fl-aħbarijiet, wieħed ifittex l-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ professjonisti fil-lingwa.

F’isem il-kumitat ta’ ħidma, Kit Azzopardi qal li din il-kampanja tfittex li toħloq kuxjenza dwar aspett kulturali li jagħżel in-nazzjon tagħna minn oħrajn. Illum l-ilsien Malti, qal is-Sur Azzopardi, mhux l-għodda ewlenija tal-għalliema u tal-kittieba biss, imma wkoll ta’ bosta ħaddiema oħra, mill-ġurnalisti u l-avukati sal-iskrivani, it-tradutturi u dawk li jaħdmu fir-reklamar. Irrimarka li din il-kampanja tirrikonoxxi l-importanza tal-Malti għal bosta ħaddiema u turi kemm ilsienna huwa effettiv f’oqsma oħrajn li forsi ma nkunux konxji minnhom.

Il-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ tagħraf ukoll realtajiet attwali, bħalma hu l-użu tal-Malti mill-barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta, kif ukoll il-multilingwiżmu. Matul il-kampanja, minn xahar għal ieħor, se jinxteħet dawl fuq dawn it-temi u oħrajn bħall-edukazzjoni u l-letteratura, bis-sehem ta’ diversi personalitajiet u fuq mezzi differenti, minn stampati sa dawk diġitali u awdjoviżivi.

L-għaqdiet tal-Malti involuti f’din il-kampanja nazzjonali huma l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti, Inizjamed, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

Skip to content