Il-President Myriam Spiteri Debono laqgħet lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset għal laqgħa ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi t-temi li ser tiffoka fuqhom Malta matul il-ħidma tagħha waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena fosthom iż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza u l-vjolenza domestika.
Il-President aċċennat kif Malta dejjem użat il-prinċipji u l-valuri Kostituzzjonali tagħha biex taħdem favur il-paċi, l-għaqda u l-istabbiltà. Dawn il-valuri, flimkien mad-drittijiet tal-bniedem, se jingħataw ukoll l-importanza xierqa waqt il-Presidenza ta’ Malta fix-xhur li ġejjin.
B’rabta ma’ dan, is-Segretarju Ġenerali Berset qal li Malta se tieħu l-Presidenza fi żmien opportun li fih l-Ewropa u anke d-dinja qed jaffaċċjaw kriżijiet globali ili jheddu l-istabbiltà tal-ġnus. Huwa żied li din il-ħidma ma tapplikax biss għat-tul tal-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, iżda testendi anke għal wara, sabiex ikun hemm effetti pożittivi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-President fakkret ukoll kif sena wara l-oħra, għal dawn l-aħħar disa’ snin suċċessivament, Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi tal-ILGA f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ta’ persuni ta’ orjentazzjonijiet sesswali differenti.
Matul il-laqgħa l-President kienet akkumpanjata mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri, id-Direttur għall-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Alberta Borg, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-President Reuben Sciberras, l-Uffiċjal Diplomatiku Anzjan Darren Camilleri, l-Aide de Camp Anzjan il-Maġġur Richard Vassallo u s-Segretarju Privat Christian Vella Masini.