The President of Malta

Search
Close this search box.

Palazz Sant’Anton

Minn Dar tal-Villeġġjatura fil-Kampanja għal Residenza Uffiċjali

Il-Palazz ta’ Sant’Anton huwa r-residenza uffiċjali tal-President tar-Repubblika ta’ Malta.

L-iktar binja antika li nafu dwarha tmur lura għall-bidu tas-seklu 17, mibnija bħala dar fil-kampanja mill-Kavallier ta’ Malta, li iktar tard sar Gran Mastru, Antoine de Paule (1623-1636). L-għażla tal-post minn de Paule, kważi f’nofs il-gżira fir-raħal ta’ Ħ’Attard, b’Ħal Balzan u Ħal Lija fil-viċin, tinkludi wkoll residenzi oħra fil-kampanja u dwejriet tal-kaċċa, inklużi ġonna estensivi, mibnija maż-żmien minn membri suċċessivi tal-Ordni ta’ San Ġwann. Malli nħatar fil-Maġistratura fl-1623, de Paule kabbar id-dar f’palazz komplut minn kollox imdawwar bil-ġonna. Il-legat ta’ de Paule għadu ħaj fl-għażla tal-isem li jirreferi għall-qaddis patrun tiegħu – Sant’Antnin ta’ Padova. Sa tmiem is-snin 1620, il-Palazz ta’ Sant’Anton kien sar ukoll post ta’ interess għal dawk li kienu jżuru dawn il-gżejjer.

Id-dar ta’ de Paule x’aktarx kienet mgħammra b’kollox inkluż bi stalel u b’akkomodazzjoni għas-segwitù tal-Gran Mastru. Il-binja oriġinali kienet tinkludi wkoll sensiela ta’ kmamar interkonnessi b’aċċess mit-taraġ prinċipali. L-element arkitettoniku ċentrali x’aktarx kien it-torri kwadru li kien jagħti lill-qalba ta’ dan il-palazz storiku l-bixra ta’ fortizza. Maż-żmien, żdiedu xi strutturi u sar xi tisbiħ u titjib minn Gran Mastri suċċessivi, b’mod partikolari l-Gran Mastri António Manuel de Vilhena (1722-1736) u Emmanuel de Rohan-Polduc (1775-1797). Saru wkoll interventi arkitettoniċi kbar fi żmien l-Ingliżi. Dawn kienu jinkludu l-loġoġ fil-miftuħ fil-forma ta’ arkati li kienu jservu ta’ passaġġi konnessi kennija u kienu jinkludu wkoll dik li iktar tard saret magħrufa bħala l-kappella tar-Russi mibnija fuq id-disinn tal-Ġeneral Sir George Whitmore (1775-1862) bi stil Neoklassiku.

Il-Palazz ta’ Sant’Anton huwa mdawwar min-naħat kollha b’ġonna b’veġetazzjoni rikka u naħa minnhom, li bħalissa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-dipartiment xieraq tal-Gvern ċentrali, ilha miftuħa għall-pubbliku mill-1885. Il-ġonna fihom funtani tal-ilma u esedri mqiegħda b’mod strateġiku fejn jissallbu l-passaġġi li huma ppjanati b’mod ġeometriku. Is-siġar tal-larinġ u taċ-ċitru huma prominenti, u kien hemm drawwa li dan il-frott jingħata bħala rigal lid-dinjitarji u lill-personalitajiet li jżuru l-post.

Il-Palazz ta’ Sant’Anton huwa xhud ta’ storja mżewqa u kontinwa li ma tiqafx ma’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Matul ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi fl-1798, il-Palazz kien il-kwartieri ġenerali tal-Assemblea Nazzjonali Maltija u iktar tard sar ir-residenza tal-ewwel Kummissarju Ċivili Ingliż, l-Ammirall Sir Alexander Ball (1757-1809) u baqa’ jservi bħala residenza għal Gvernaturi Ingliżi suċċessivi. Fi żmien l-Ingliżi, il-Palazz ta’ Sant’Anton ospita wkoll personalitajiet prominenti, inkluż iben ir-Reġina Vittorja, il-Prinċep Alfred, Duka ta’ Saxe-Coburg u Gotha (1844-1900), li bintu, li twieldet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ġiet mgħammda bl-isem ta’ Victoria Melita. Il-Palazz ta’ Sant’Anton maż-żmien laqa’ wkoll diversi monarki Ingliżi, inkluża r-Reġina Eliżabetta II li qagħdet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, f’parti tal-Palazz li saret magħrufa bħala l-appartamenti privati tar-Reġina, li jinsabu f’waħda mill-binjiet tal-Palazz. Maż-żmien Sant’Anton ospita numru kbir ta’ dinjitarji oħra. Dawn jinkludu kapijiet ta’ stat u mistiedna speċjali minn madwar id-dinja kollha li jżuru dan il-pajjiż.

Il-Palazz ta’ Sant’Anton sar ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta meta Malta saret Repubblika f’Diċembru tal-1974.

Skip to content