The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella waqt l-għoti tal-premju Ġieħ Għawdex waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum Għawdex, 28 ta’ Ottubru 2022

Onorevoli Ministru,

Onorevoli Membri Parlamentari,

President tar-Reġjun ta’ Għawdex,

President taċ-Circolo Gozitano,

Mistednin Distinti,

Huwa ta’ pjaċir kbir inkun hawn magħkom illejla biex flimkien niċċelebraw Jum Għawdex u nippremjaw persuni distinti li huma ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Nesprimi l-apprezzament tiegħi liċ-Circolo Gozitano talli sena wara l-oħra jibqa’ jagħti ġieħ lil ulied Għawdxin li b’xi mod jew ieħor huma ta’ ġid siewi għas-soċjetà. Nifraħ għalhekk lis-Sur Chris Galea u lill-Professur Maria Frendo li qegħdin jiġu ppremjati llum b’Ġieħ Għawdex, iżda wisq aktar nifirħilhom għall-ħidma tagħhom fi ħdan il-komunità matul is-snin.  

Sur Galea,

Li wieħed jiddedika ħafna mill-ħin tiegħu għal ħaddieħor hija turija mhux biss ta’ altruwiżmu, iżda hija wkoll turija ta’ karattru b’saħħtu. Fid-dinja teknoloġika tal-lum, faċli li wieħed jinħeba wara kaxxa u screen u jinsa kemm hawn min hu mxennaq għal xi ftit kumpanija jew għajnuna oħra bażika, iżda li tkun tfisser teżor għal dak li jkun fil-bżonn. Għalhekk, il-ħidma tiegħek fil-komunità, speċjalment mal-anzjani u l-morda, hija turija ċara ta’ kemm dawn il-ġesti individwali jissarrfu f’opri nobbli u verament apprezzati. F’isem il-poplu Malti u Għawdxi niżżik ħajr tal-impenn tiegħek favur il-ħajja, u favur ħajja dinjituża għal kulħadd.

Prof. Frendo,

Għalkemm b’għodod differenti, inti wkoll kont u għadek strumentali għall-ġid tal-komunità. Il-mużika u l-letteratura mhumiex biss mezzi li jserrħu l-menti u r-ruħ, iżda huma wkoll mezzi ta’ kif l-espressjoni artistika lokali tkompli ssawwar u ssaħħaħ il-patrimonju kulturali Malti. Il-karriera twila u wiesgħa tiegħek f’dawn l-oqsma, flimkien mar-riċerka u mal-impenn tiegħek biex fuq bażi volontarja tagħti l-kontribut tiegħek għall-kalendarju artistiku Għawdxi, huma wkoll ġest li ma jistax ma jiġix apprezzat. Huwa grazzi għall-impenn ta’ persuni bħall-Prof. Frendo fil-qasam tal-arti li Għawdex kompla jsir ċentru artistiku ħaj u li jattira interess internazzjonali u turistiku.

Sur Galea u Prof. Frendo, jien nifirħilkom għax-xogħol li wettaqtu u ninsab ċert li ser tibqgħu tkunu ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa.  

Sinjuri,

Il-lejla qegħdin hawn proprju għax ilkoll nemmnu fis-sbuħija ta’ pajjiżna, fis-sbuħija ta’ Għawdex, bi storja twila, b’pajsaġġi uniċi, u persuni distinti bħalma qed nippremjaw illum.

Madankollu, Għawdex hija ġawhra fraġli, li qed ikollha tissielet ma’ pressjonijiet minn bosta naħat. Fil-mixja storika tagħna, u għal sekli sħaħ, il-gżejjer Maltin kważi dejjem kellhom ħakkiem kolonjali, b’aspirazzjonijiet militari u ekonomiċi li ftit li xejn kienu jagħtu każ dak li riedu, jew li kellhom bżonn, il-Maltin. Mhux hekk biss, iżda għal ħafna snin l-antenati tagħna kienu jiġu misruqa għal fuq il-xwieni u mibjugħa bħala lsiera.

It-taqbida llum ħadet xejra differenti. L-isfidi minflok qed jiġu għall-għarrieda mill-baħar jew mill-ajru, qed jinbtu f’ħobbna u jissaħħu aktar maż-żmien. Kif tista’ familja tgawdi ħajja xierqa meta l-ambjent naturali qed jiġi mhedded? Kif jista’ żagħżugħ jew żagħżugħa Maltija jkomplu jgħożżu l-patrimonju nazzjonali ta’ pajjiżhom meta dan qed jinbidel b’dan il-mod hekk drastiku?

Sinjuri,

Ta’ min okkażjoni bħal din tal-lum isservi wkoll għal dan it-tip ta’ riflessjoni.

Huwa proprju fuq din il-kelma, ġieħ, li nixtieq nixtarru ftit. Mingħajr ma nidħol f’diskussjoni lingwistika jew filosofika, nemmen li l-kelma ġieħ ma tista’ qatt tkun mifruda mil-kliem dinjità u rispett. Biex wieħed jikseb dawn il-kwalitajiet irid ikun hemm għarfien b’saħħtu dwar dak li jirrappreżenta l-patrimonju ambjentali, uman, u kulturali ta’ pajjiżna.

Il-karatteristiċi uniċi tal-gżejjer tagħna, speċjalment dawk ippreservati fil-gżira ta’ Għawdex, huma dak li jagħmluh uniku. Dawk li jagħmluh dak li hu.

Ta’ min josserva kif Għawdex b’mod eleganti kompla maż-żmien iwaħħad flimkien il-valur intrinsiku tal-estetika, ma’ dak tat-tradizzjonijiet. Il-ħarsien xieraq tal-ambjent, politika olistika u b’polz soċjali b’saħħtu huma ingredjenti kruċjali biex bis-sħiħ inħarsu l-identità ta’ Għawdex u s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-Għawdxin.

Huwa għalhekk importanti li kif qed nagħmlu llum, jiġifieri nippremjaw l-impenn ta’ persuni distinti bħas-Sur Galea u l-Prof. Frendo, huwa wisq aktar importanti nirrikonoxxu dak li qed jagħmlilna ġieħ bħala poplu, u flimkien naħdmu biex nibżgħu għalih, nagħtuh il-valur li jistħoqqlu, u nipproteġuh minn tħassir li jġibu magħhom l-ispekulazzjoni, il-ġirja għamja għall-qligħ, u n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-kontribut kbir li ambjent san u sabiħ iħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna l-bnedmin. Tajjeb li nilħqu qċaċet għoljin fil-kultura u fil-kummerċ, imma dan kollu jintilef jekk l-ambjent tal-madwar ma jżejjinx dan kollu.

Sinjuri,

Nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid nifraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena u nawgura biex, bħalma kemm għadni kemm aċċennajt ftit ilu, inħarsu l-identità tal-gżejjer tagħna b’dover mhux biss għal dawk li ġejjin warajna, iżda ukoll b’sens ta’ rispett għal dawk li qabilna ssagrifikaw tant biex il-gżejjer ta’ Għawdex u ta’ Malta jkunu verament ġawhra fil-Mediterran.

Grazzi.

-Tmiem-

Skip to content