The President of Malta

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, on the occasion of the 30th Anniversary of the Establishment of the Oasis Foundation (Speech in MT)

OASI

Fondazzjoni Oasi, Rabat, Għawdex

Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex

L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Anton Teuma

Onorevoli Claudette Buttiġieġ, Deputat Speaker u Kelliem għall-Politika Soċjali u l-Familja

Dun Manwel Cordina, Fundatur u Chairperson tal-Board tad-Diretturi tal-Fondazzjoni Oasi

Sur Noel Xerri, Chief Executive tal-Fondazzjoni Oasi

Membri tal-Bord,

Residenti, Ħaddiema u Voluntiera

Ħadt gost nisma’ lill-kelliema ta’ qabli dwar aspetti varji ta’ dipendenzi differenti li Fondazzjoni bħall-Oasi tħabbat wiċċha magħhom ta’ kuljum.

Mahatma Gandhi kien qal ‘the best way to find yourself is to lose yourself in the service of others’.  L-okkażjoni tal-lum hija ċelebrazzjoni ta’ tletin sena ta’ tama li l-Fondazzjoni Oasi tat lil dawk kollha li ġew bżonn is-servizzi tagħha.

Irrid mill-ġdid nuri l-apprezzament tiegħi, għan-nom tal-Poplu kollu, lil Dun Manwel Cordina, li minn żmien bikri, ra l-ħtieġa li f’pajjiżna tiġi indirizzata l-problema tal-abbuż tad-droga u alkoħol żejjed.  Bil-ħidma tiegħu twaqqfet il-Fondazzjoni Oasi.

Ir-rikononixxment li ngħata llum huwa mistħoqq, mhux biss għax kien minn tal-ewwel li beda jaħdem f’dan il-qasam, imma wkoll għax iddedika ħajtu għall-Fondazzjoni u għal dawk kollha li sena wara l-oħra kellhom bżonn l-għajnuna tagħha.

Il-Fondazzjoni kienet ukoll minn tal-ewwel li għarfet tindirizza l-fatt li vizzju mhux biss dak tad-droga jew l-alkoħol, iżda hemm ukoll oħrajn.  Kienet ukoll pijunier fit-trattament mhux biss tal-klijenti tagħha, iżda wkoll tal-familjari tagħhom.

Bil-ħidma tagħha, l-Oasi pprovdiet għodda lill-mijiet ta’ nies sabiex jibnu ħajjithom mill-ġdid.  Tat tama għax għarfet li l-vizzju ma jiġix mix-xejn, u f’ħafna ċirkostanzi, ikun akkumpanjat minn dipressjoni, ansjetà jew kundizzjonijiet oħra. 

L-edukazzjoni, għaldaqstant, hija bażi fundamentali sabiex dak li jkun jintebaħ li f’ċirkostanzi diffiċli f’ħajtu, hemm mezzi u servizzi li jistgħu jgħinuh.  Il-vizzju ma huwa qatt is-soluzzjoni.  Anzi, jiggrava s-sitwazzjoni mhux biss tal-individwu, iżda wkoll tal-familjari, ħbieb u oħrajn qrib tiegħu. 

Hawnhekk inħoss li jkun ġust ngħidu li ħafna kienu dawk li ħasbu li se jsibu soluzzjoni fix-xorb u fit-tipjip żejjed.  Illum nafu l-ħsara kbira li jagħmlu dawn iż-żewġ sustanzi li qabel konna nħarsu lejhom bħala sustanzi “rikreattivi”.

Sfortunatament anke l-lum qegħdin nisimgħu dwar l-użu “rikreattiv” ta’ ċertu sustanzi.  Nafu li dawn is-sustanzi jaghmlu ħsara fiżika lil min jeħodhom.  Dawn huwa ppruvat.  Tajjeb li nitkellmu fuq harm reduction imma jien inħoss li għandna nagħmlu minn kollox biex niskoraġġixxu l-użu tagħhom.

Naf li l-Oasi taħdem ħafna fuq primary intervention fejn tqajjem kuxjenza dwar il-vizzji, kif ukoll tagħti pariri dwar coping skills.  Ma jistax ikollna soċjetà b’saħħitha, jekk din ma tkunx taf kif tiffaċċja sitwazzjoni ta’ biża’, dwejjaq u emozzjonijiet negattivi oħra. 

Il-Covid-19 kienet eżempju ta’ dan.

Fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu, ħafna drabi nħossuna obbligati li nkunu konformi mat-trends il-ġodda.  Insibuha diffiċli ngħidu ‘le’.  Ħajjitna tiġi kważi ddettata aktar minn kif nidhru milli kif inħossuna verament. 

Napprezza għalhekk, ix-xogħol li l-Fondazzjoni tagħmel fl-iskejjel, qalb it-tfal u ż-żgħażagħ.  Kemm hu importanti li nħeġġu ż-żgħar jaraw il-pożittiv fil-ħajja, u nagħtuhom tagħlim sabiex ikunu kapaċi jegħlbu d-diffikultajiet, anke jekk kultant ikunu ta’ qtigħ il-qalb.

[Kif issemma’ diġà] Illum jaħbat ukoll il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar Illeċitu.  Il-messaġġ tiegħi, speċjalment għar-residenti huwa li, qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom.  La qegħdin hawn, diġà għaraftu li għandkom bżonn tfittxu fejn ssibu l-għajnuna. Emmnu fikom infuskom u fit-tagħlim li qed tirċievu.  Użawh tul ħajjitkom kollha, u kunu ta’ għajnuna u eżempju għal dawk li għad ma sabux il-kuraġġ jersqu lejn il-Fondazzjoni.

Lill-ħaddiema u lill-voluntiera, nirringrazzjakom tax-xogħol u d-dedikazzjoni li tagħmlu ta’ kuljum.  Intom is-suċċess tal-Fondazzjoni.  Il-kuraġġ li toffru lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħkom, huwa l-għodda li tiżgura futur aħjar lil dawk li qed ifittxu l-għajnuna tagħkom, u lill-familjari tagħhom.

Nawguralkom ħidma sfiqa għas-snin li ġejjin.

Grazzi.

Skip to content