Onorevoli Prim Ministru Onorevoli Speaker
L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni
Kollegi Presidenti Emeriti Eċċellenzi
Mistednin Distinti
Sena ilu ħsibt li d-Diskors li kont sejjer nagħmel bħal-lum fil-Festa tar- Repubblika, kien ser ikun l-aktar wieħed diffiċli li kelli nagħmel fil- karriera politika tiegħi.
Is-sena l-ohra, wara li għamiltu ħassejtni li striħajt minn toqol li kont qiegħed inħoss ġewwa fija u ttamajt li dak iż-żmien kien ser jgħaddi u jintrefa’ fil-kotba tal-istorja.
Jiddispjacini ngħid li kont żbaljat.
Kien diffiċli li wieħed ibassar x’kien ser ikollu jħabbat wiċċu miegħu l-Poplu Malti fis-sena li kienet ġejja.
Jekk inħarsu madwarna f’din is-sala maestuża, nintebħu kif tbiddlet ħajjitna minn sena ’l hawn.
Ħalqna u mnifsejna mgħottijin. Inżommu ’l bogħod minn xulxin.
Immissu affarijiet mill-anqas biex nevitaw li niltaqgħu ma’ virus li ma narawhx b’għajnejna, imma li qalbilna ħajjitna ta’ taħt fuq, kemm fis- saħħa tagħna, kemm fil-ħajja soċjali tagħna, kif ukoll fl-ekonomija tagħna.
Ħajjitna nbidlet mil-lejl għan-nhar.
L-unika konsolazzjoni, jekk wieħed jista’ jistabar b’dan, hija li dan it- taqlib qiegħed iseħħ kważi madwar id-dinja kollha.
F’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, irrid illum, bħalma għamilt diġà f’okkażjonijiet oħra, l-ewwel u qabel kollox, insellem il-memorja ta’ dawk kollha li mietu kawża ta’ dan il-Virus.
Fl-istess ħin, nesprimi s-simpatiji sinċiera tiegħi mal-qraba u l-għeżież tagħhom, li meta kienu mistennija jkunu qrib u jwennsu lil qrabathom morda, ma setgħux jagħmlu dan għaliex ma setgħux ikunu qribhom minħabba l-biża’ ta’ aktar tixrid ta’ din il-marda.
Irrid insellem ukoll lil dawk kollha fil-qasam tas-saħħa, bla distinzjoni ta’ xejn, li ħadmu u għadhom jaħdmu bla serħan biex taw l-għajnuna lil dawn il-pazjenti, speċjalment l-anzjani tagħna rikoverati fid-djar residenzjali għall-anzjani, b’sens altruwistiku kbir, u ħabbtu wiċċhom kontinwament ma’ perikli għal saħħithom, filwaqt li għamlu minn kollox biex fejn setgħu, isalvaw lill-għeżież tagħna minn ħalq il-mewt.
L-istess rispett u ringrazzjament, f’isimkom ilkoll, imur lejn dawk kollha, li fil-qadi ta’ dmirijiethom żammewna f’saħħitna, tħabtu għall- indafa, infurzaw ir-regolamenti, għamlu atti volontarji, u ħadu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli fostna.
Lil dawn kollha, inroddilhom ħajr.
Din il-Pandemija li b’xorti ħażina, għadha ddur madwarna, ħarbtitilna l-ħajja soċjali tagħna, u tat daqqa qawwija lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
It-turiżmu, li fuqu tant jiddependi pajjiżna, tista’ tgħid waqaf, u miegħu waqaf ukoll dak in-negozju kollu li normalment ikun assoċjat miegħu.
Negozji – żgħar u kbar – tħarbtu, u ħafna postijiet tax-xogħol kienu u għadhom fil-periklu.
Il-kwalità tal-ħajja għal ħafna minna, inbidlet sew.
Settur li ntlaqat ħażin ħafna ukoll huwa dak tal-edukazzjoni ta’ wliedna.
Wieħed jittama li dak li ntilef, jiġi mirbuħ u t-tfal ma jaqgħux lura fl- edukazzjoni tagħhom.
Hawnhekk ukoll wieħed irid irodd ħajr lill-għalliema u l-edukaturi li minkejja li taħt ċirkostanzi xejn normali, u b’ċertu sogru għal saħħithom, xorta qegħdin jaqdu r-responsabilitajiet tagħhom sal-lum.
Żvilupp negattiv f’dan kollu kien il-mod kif kienet affettwata s-saħħa mentali ta’ faxex differenti tal-Poplu Malti matul dan il-perijodu.
It-tfal li tħarbtu mir-rutina tal-iskola u t-tagħlim fil-klassijiet; iż- żgħażagħ li raw l-opportunitajiet tax-xogħol jiġu mnaqqsa; il-ħaddiema li kellhom id-dħul finanzjarju tagħhom mhedded; in-negozjanti li affaċċjaw in-nuqqas ta’ bejgħ; il-‘frontliners’ kollha li diġà semmejt minn xiex għaddew; u fl-aħħar iżda mhux l-anqas l-anzjani tagħna, li minbarra l-biża’ għaliex huma vulnerabbli, uħud minnhom kellhom isofru mill-iżolament.
Dan kollu kellu xi ftit jew wisq impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tal- Poplu Malti u Għawdxi.
Fil-pajjiżi kollha milquta minn din il-Pandemija, it-tama hija li fil-futur mhux fil-bogħod ikollna f’idejna tilqima li tkun effettiva kontra dan il- Virus, li tkun tista’ tingħata lil kulħadd, u b’hekk innaqqsu dejjem il- possibilità ta’ aktar infezzjonijiet, u nibdew mexjin it-triq lura għan- normal.
Nafu li din it-tilqima ser tkun magħna fi ftit ġimgħat oħra. Jekk it-tilqim jimxi kif mistenni, fi kwistjoni ta’ xhur nisperaw li nkunu qbadna t-triq lura għan-normalità.
Jiddispjaċini li f’okkażjoni bħal din kelli nibda diskors tal-okkażjoni fuq nota negattiva u ta’ swied il-qalb, imtaffija xi ftit bl-aħbar tajba tat- tilqima li saret realtà.
Kieku xtaqt li jkolli l-okkażjoni biex flimkien nitfgħu ħarsitna lura sitta u erbgħin sena u nfakkru kif għaxar snin biss wara li ksibna l- Indipendenza – bil-forzi barranin għadhom fostna – iddikjarajna pajjiżna bħala Repubblika, b’Kostituzzjoni li kienet tirrifletti dan l- istatus politiku ġdid.
Din hija okkażjoni fejn wieħed jirrifletti kif bil-mod il-mod iddiversifikajna l-ekonomija tagħna milli tiddependi kważi totalment mill-infiq tal-bażijiet militari f’pajjiżna, għal waħda kummerċjali mibnija fuq il-manifattura, is-servizzi u setturi oħra.
Kien ikun il-ħin li niftakru kif Gvernijiet differenti, kull wieħed bil- pass u l-metodi differenti tiegħu, ħadmu biex itejbu l-ekonomija u l- kwalità tal-ħajja ta’ kuljum f’pajjiżna.
Bħal-lum kien ikun ħafna f’waqtu li wieħed jirrifletti li t-triq ’il quddiem mhux dejjem kienet faċli. Kellna t-tlugħ u l-inżul. Fil-qasam politiku għaddejna minn żminijiet li kien ikun aħjar kieku ma seħħewx.
Għaddejna minn żminijiet imqallba li fortunatament, bl-għaqal ta’ dawk li riedu l-ġid lil pajjiżna, wasslu għal diskussjonijiet paċifiċi li minnhom ħarġu emendi Kostituzzjonali li bihom ġie assigurat li ċerti sitwazzjonijiet anomali li ħarġu mis-sistema elettorali li kellna, ma jirrepetux ruħhom.
Bħal-lum kienet tkun okkażjoni f’waqtha biex wieħed ifakkar żvilupp politiku importanti li seħħ fl-aħħar tas-snin tmenin. Meta wieħed ipoġġih fil-kuntest tax-xenarju tal-politika internazzjonali ta’ dak iż- żmien, kienet għażla għaqlija li pajjiżna jadotta politika ta’ newtralità, li għadna nħaddnu fil-Kostituzzjoni tagħna sal-lum.
Kien ikun tajjeb infakkru kif f’pajjiżna s-snin disgħin fil-biċċa l-kbira tagħhom ittieħdu minn dibattitu mqanqal imma infurmat, u fuq kollox ċivili, u mill-aktar demokratiku, fl-oqsma kollha tax-xandir, fil- Parlament u fis-soċjetà ċivili, dwar x’kellhom ikunu r-relazzjonijiet futuri tagħna mal-Unjoni Ewropea.
Kien ta’ min ifakkar li għalkemm kien hemm passjonijiet b’saħħithom fuq iż-żewġ naħat tal-argument, fl-aħħar mill-aħħar rebħet ir-rieda tal-
Poplu, li għaliha baxxew rashom il-forzi politiċi kollha u pajjiżna għal darb’oħra wera kemm jirrispetta d-demokrazija.
Ikun sabiħ f’okkażjoni bħal tal-lum li wieħed jistqarr li llum hawn qbil maġġoritarju li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea veru ħolqot pressjoni fuq ċerti strutturi u ċerti industriji, iżda fl-istess ħin fetħet u ħolqot opportunitajiet ġodda, f’oqsma li kien għad qatt ma kellna bħalhom qabel is-sħubija.
Il-Fondi ta’ Koeżjoni, u dawk Strutturali, taw spinta qawwija lill- iżvilupp infrastrutturali, kif ukoll lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Illum hawn qbil li pajjiżna integra bis-sħiħ fis-sistemi istituzzjonali tal- Unjoni Ewropea, speċjalment fis-sistema Parlamentari tagħha, li ħadet saħħiet ġodda, u drittijiet uniċi, wara t-Trattat ta’ Lisbona.
F’Jum ir-Repubblika ta’ pajjiż sovran, kif inhu tagħna, kien ikun pjaċir tiegħi li niftaħ aktar dwar l-impenn qawwi li bih pajjiżna daħal għar- responsabilitajiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl- ewwel sitt xhur tal-2017, u nispjega x’fissru għalina dawk ix-xhur ta’ ħidma sfieqa, u l-isforz kollettiv li tana sodisfazzjon kbir u swielna ta’ ħafna ġid bħala pajjiż.
Iżda għażilt li jkun aktar f’waqtu nagħti ħarsa lura dwar dak li għaddejna minnu din is-sena, fejn qegħdin illum, u sa fejn nistgħu naraw, dak li hemm jistenniena fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Eċċellenzi, Sinjuri,
Is-sena li għaddiet kienet waħda li rat tibdil mhux tas-soltu. Mhux minħabba l-COVID-19 biss.
L-attiviżmu politiku ta’ numru ta’ gruppi mis-Soċjetà Ċivili bl-għajta għat-trasparenza politika, għall-kontabilità fl-Amministrazzjoni Pubblika, għat-tibdil fil-legiżlazzjoni li jirrifletti aħjar l-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet aktar awtonomi u indipendenti f’ħidmiethom, kif ukoll bit-talba għall-ħaqq u l-ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellu effett mhux żgħir fuq l-ambjent politiku, kif ukoll fuq l-andament tal-ħajja soċjali f’pajjiżna.
Fl-istess ħin kien qiegħed ikun hemm pressjoni mill-Kummissjoni Venezja, tal-Kunsill tal-Ewropa, biex ċertu tibdil ta’ natura Kostituzzjonali, speċjalment fejn tidħol is-separazzjoni tal-poteri bejn l-Eżekuttiv, u l-qasam Ġudizzjarju, iseħħ kemm jista’ jkun malajr.
Ir-riżenja tal-Prim Ministru f’nofs leġiżlatura, fil-bidu tas-sena, u l- ħatra ta’ Prim Ministru ġdid, mhumiex avvenimenti komuni fil-qasam politiku Malti.
Daqstant ieħor rari kienet it-tneħħija pjuttost kumbattuta, b’vot intern demokratiku tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’nofs il-leġiżlatura, sabiex imbagħad ukoll inħatar Kap ġdid.
Dawn iż-żewġ avvenimenti involvew bis-sħiħ il-Presidenza, u ħolqu dibattitu qawwi dwar sa fejn jistgħu jaslu, jew għandhom jaslu, il-poteri tal-President tar-Repubblika fl-ewwel każ, u dwar interpretazzjoni tal- Artikli tal-Kostituzzjoni fit-tieni każ.
Fuq dan kollu tfaċċat il-Pandemija tal-COVID-19, bl-effetti diżastrużi fuq is-saħħa tal-Poplu, il-ħajja soċjali kif imdorrijin biha, u l-impatt negattiv għall-aħħar fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Pajjiżna għandu sfidi kbar x’jegħleb quddiemu. Għandu wkoll miri x’jilħaq.
Għandu wkoll opportunitajiet li b’għaqal u b’rieda politika sħiħa u msawra mill-għaqda ta’ bejnietna, u b’viżjoni nazzjonali – kapaċi nisfruttaw għall-ġid komuni.
L-ewwel u l-akbar sfida li għandu pajjiżna quddiemu bħalissa hija li mill-aktar fis possibbli, fil-parametri tal-korrettezza ġudizzjarja neċessarja, isir ħaqq, u titwettaq ġustizzja ma’ min jinstab ħati li b’xi mod kien parteċipi fil-qtil faħxi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-allegazzjonijiet ta’ kriminalità, u l-konnessjonijiet dubjużi, għandhom jiġu investigati bl-aktar mod professjonali, u dawk involuti imressqa quddiem il-liġi bla dewmien jew favuri.
Irridu nnaddfu kif jidher pajjiżna barra minn xtutna.
Dan isir mhux billi nippruvaw ninsew, iżda billi nuru sogħba ġenwina ta’ dak li sar u nipperswadu lil kulħadd bil-konvinzjoni tagħna, li dak li sar, mhu ser jirrepeti ruħu qatt aktar.
Hawn irrid insemmi li diġà sar tibdil sostanzjali f’ċerti oqsma.
Jiena nemmen li għandu jkollna twettiq tal-istat tad-dritt li jkun effettiv u li jkun ’il fuq minn kull suspett.
Irridu nassiguraw li l-istituzzjonijiet Eżekuttivi, dawk Ġuridiċi, u dawk Regolatorji, jitħallew jaħdmu kif suppost bl-indipendenza kollha tagħhom.
Huwa f’dan il-kuntest li nilqa’ bi pjaċir it-tibdil li sar dan l-aħħar, bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, f’leġiżlazzjoni li hija ta’ natura Kostituzzjonali, u li ġabet magħha, tibdil li huwa fid-direzzjoni murija mill-Kummissjoni Venezja, għal aktar ħarsien tal-istat tad-dritt f’pajjiżna.
Ir-rieda politika li wasslet biex seħħew dawn ir-riformi, tagħmilli kuraġġ biex nippretendi u nistenna li kif intweriet din il-maturità politika fix-xhur li għaddew, tintwera wkoll fid-diskussjonijiet li mistennija jsiru għar-riformi li għad iridu jsiru.
Qiegħed nirreferi kemm għal dik il-leġiżlazzjoni li diġà qiegħda quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti, kif ukoll għall-proċess ikkumplikat u kemxejn aktar fit-tul tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali li fix-xhur li ġejjin biħsiebni nagħtiha spinta ’l quddiem.
Diġà sar ħafna xogħol, fosthom konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku inġenerali, li wera liema huma dawk l-elementi li jixtieq jara mibdula, jew insista li għandhom jinżammu, fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Kummissjoni Venezja fl-aħħar Rapport tagħha wkoll uriet interess kbir f’dan il-proċess demokratiku u kostituzzjonali.
Jien nappella biex nagħtu l-ispazju neċessarju biex tiġi mfassla, l- ewwel u qabel kollox, l-istruttura li ser tmexxi din il-Konvenzjoni, kif ser titħaddem u min ser ikun qiegħed jieħu sehem, qabel ma tibda l- kritika.
Wegħedt, u ser inwettaq il-wegħda li fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali l-partiti politiċi mhumiex ser jiddominaw jew joħonqu d-diskussjoni.
Wegħedt u ser inwettaq ukoll il-wegħda li s-Socjetà Ċivili ser ikollha l-ħin u l-ispazju kollu biex issemma leħinha.
Sfida oħra kbira li għandu pajjiżna hija dik tat-tiġdid tal-ekonomija tagħna.
Tkellimt ftit aktar kmieni, fuq kif tista’ tiġi milquta ħażin kawża tal- COVID-19.
Dan ftit li xejn stajna nagħmlu biex inbiddluh.
Però hemm aspett ieħor importanti li għandu x’jaqsam mal-futur tal- ekonomija tagħna li jiddependi ħafna minnu, jekk is-sitwazzjoni teħżinx jew le.
Qiegħed nirreferi għall-fiduċja li pajjiżna jrid iżomm u jkabbar biex iħajjar l-investiment.
Fiduċja fl-awtoritajiet regolatorji, fiduċja fl-integrità u l-kompetenza ta’ min imexxi skemi ta’ investiment, fiduċja fil-kompetenza tal- ħaddiem Malti, u fiduċja fl-applikazzjoni ġusta tal-liġijiet finanzjarji ta’ pajjiżna.
Irridu nagħmlu minn kollox biex ngħaddu mill-għarbiel ta’ awtoritajiet u entitajiet supranazzjonali, li jagħmlu dan it-tip ta’ monitoraġġ u li l- ġudizzju tagħhom, tajjeb jew ħażin, ikollu effett dirett, naħa jew oħra, fuq il-ġejjieni tal-ekonomija Maltija.
Sfida oħra li qiegħed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna bħalissa, u li ser tibqa’ magħna għall-futur qarib, hija dik tal-ħarsien tal-ambjent.
Illum il-ġurnata ħadd ma jiċħad li l-ħarsien tal-ambjent għandu rilevanza partikolari, speċjalment f’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn it- territorju huwa limitat ħafna, u l-popolazzjoni densa.
Dan mhux biss mil-lat estetiku, imma wkoll mil-lat ta’ saħħa tal-poplu, li bi dritt jistenna arja nadifa, u ambjent mhux imniġġes.
L-istatistika turina li dan huwa wieħed mill-inkwiet ewlieni li għandu l-Poplu Malti.
Huwa ironiku kif il-livell tal-għajxien li b’mod konsistenti baqa’ jitjieb matul is-snin f’pajjiżna, ġab miegħu fatturi li għenu biex ħassru l- ambjent li ngħixu fih.
Qegħdin nipproduċu aktar skart li, tajjeb jew ħażin, irridu niddisponu minnu mingħajr ma nagħmlu aktar ħsara lill-ambjent.
Tniġġis tal-ibħra tagħna bil-plastik.
Tniġġis tal-arja minn ammont esaġerat ta’ makkinarju u mezzi ta’ trasport li m’għandniex l-infrastruttura meħtieġa għalihom.
Fuq kollox, il-bżonn tal-ħarsien aktar strett biex il-kostruzzjoni, kemm dik għall-użu domestiku kif ukoll dik għall-industrija tat-turiżmu u d- divertiment, ma tippreġudikax il-bilanċ delikat li wieħed għandu jħares bejn l-ambjent naturali, u dak żviluppat.
Nibża’ li qegħdin qrib wisq li nitilfu dan il-bilanċ, u għalhekk nerġa’ nappella lill-awtoritajiet regolatorji tal-ambjent, dawk tal-għoti tal- permessi għall-iżvilupp, u ‘pressure groups’ tal-ambjent biex jesiġu ħarsien strett tar-regolamenti u jaraw l-interess nazzjonali qabel l- interess tal-iżviluppatur.
Fuq kollox, irridu naraw li ma nkomplux inkerrhu pajjiżna b’binjiet utilitarji li m’għandhom ebda karattru arkitettoniku jew tipiku Malti, li ser inħallu lil uliedna u wlied uliedna bħala l-wirt arkitettoniku ta’ żmienna.
Dan jistona bis-sħiħ mal-wirt kulturali għani li għandu pajjiżna. Dan huwa wirt uniku u ħafna minnu huwa wirt Dinji.
Pajjiżna xxurtjat li l-ġeografija, u l-istorja, sa mill-eqdem żminijiet, laqqgħuh ma’ ċiviltajiet li kollha kemm huma ħallew il-kontribut tagħhom biex illum nitkabbru bil-wirt kulturali li għandna.
Ejjew ma nkunux aħna li dan il-wirt ngħarrquh u nnaqqsulu mill-valur tiegħu.
Jeħtieġ nassiguraw żvilupp sostenibbli, u ma ninsewx il-wegħdiet li spiss nagħmlu li rridu nilħqu l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, li ħa nnaqqsu t-tniġġis tal-arja mill-karbonju b’55% fi żmien għaxar snin oħra, u li neliminawh għalkollox sas-sena 2050.
Għandna bżonn nirrankaw aktar biex nilħqu l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli fis-17-il qasam imsemmi mill-Ġnus Magħquda.
L-istess inħoss li rridu nżidu l-isforzi tagħna biex nilqgħu aħjar kontra l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, fil-ħolqien ta’ aktar enerġija alternattiva jew rinnovabbli, u fil-ħolqien ta’ anqas skart, speċjalment dak tal-plastik.
Il-medda ta’ pajjiżna hija dik li hija, u jekk inħallu żvilupp urban żejjed isir, inkunu qegħdin nippreġudikaw saħħitna u dik ta’ wliedna, b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa mentali tagħna lkoll.
L-isfida l-oħra li għandha r-Repubblika ta’ Malta hija dik tal- immigrazzjoni irregolari.
Pajjiżna għamel u għadu jagħmel dak kollu possibbli biex jiġu varati proġetti u programmi ta’ azzjoni biex jgħinu l-iżvilupp fil-pajjiżi minn fejn jitilqu dawn l-immigranti, kif ukoll qiegħed fuq quddiem nett fil- qasam Ewropew biex jappella għas-solidarjetà u l-kooperazzjoni.
L-ebda pajjiż mhuwa kapaċi jaffaċċja din il-problema waħdu.
Aktar u aktar jekk ikun pajjiż żgħir bħalna, u ġeografikament proprju fir-rotta li jieħdu ħafna minn dawn l-immigranti fi triqithom lejn l- Ewropa.
Li nistgħu biss huwa li nfittxu nkomplu nibnu alleanzi, u nkomplu nippruvaw nipperswadu lil dawk il-pajjiżi membri li ma jħossux l- obbligu li jgħinu pajjiżi bħal tagħna fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, li l-kelma u l-wegħda ta’ solidarjetà mhix xi ħaġa frivola, imma kunċett li fuqu hija mibnija ħafna mill-fiduċja reċiproka li tgħaqqad flimkien lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
S’issa jiddispjaċini m’iniex nara soluzzjoni għal dan il-fenomenu, għalkemm l-aħħar żviluppi li qegħdin iseħħu fil-Libja, fejn waqaf il- ġlied, u qegħdin isiru taħdidiet biex jissaħħaħ il-pajjiż, jaf ikollhom effett fuq il-kontrolli tal-gvern fuq it-traffikanti tal-bnedmin li huma fattur importanti wara dan il-fenomenu.
Fl-istess waqt infaħħar l-isforzi u l-programmi ta’ azzjoni li ħadet u qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea biex jiġi indirizzat dan is-suġġett, u nittama li diskussjonijiet u taħdidiet bejn l-Istati Membri jwasslu biex ikun hemm tibdil fil-ħsieb ta’ wħud mill-pajjiżi li sal-lum għadhom iżommu iebes fuq din il-problema.
Il-globalizzazzjoni għamlet mid-dinja pajjiż jew raħal wieħed. L-ebda pajjiż, kbir kemm hu kbir, mhu kapaċi jiġġieled waħdu dak li huwa ta’ firxa u effett globali.
Għalhekk illum jinħass aktar il-bżonn tal-multilateraliżmu; ta’ organizzazzjonijiet li jiġbru fihom numru ta’ pajjiżi li lesti jaħdmu flimkien biex jegħlbu flimkien, dak li wieħed waħdu jkun impossibbli jegħleb.
Dan huwa għaqli ħafna u pajjiż żgħir bħal tagħna meta jissieħeb f’dawn l-organizzazzjonijiet, isib pjattaforma akbar minn fejn iwassal leħnu, jingħata aktar attenzjoni, u f’dawn il-fora jibni relazzjonijiet ma’ dawk il-pajjiżi li jaqsmu l-istess ideat u għanijiet politiċi bħalna.
Iċ-ċavetta tas-suċċess f’dawn l-organizzazzjonijiet hija l-ħidma flimkien u s-solidarjetà meta meħtieġa.
Eċċellenzi, Sinjuri,
Wara li tajt ħarsa lejn dak li għaddejna minnu, u dak li qegħdin fih, inħoss li jkun f’waqtu naqsam magħkom dak li nixtieq li pajjiżna jkun fil-futur.
Id-dinja hekk imsejħa ‘Post Covid’, wara li nittamaw li nkunu akkwistajna xi forma ta’ kontroll permezz tat-tilqim, mhix ser tkun faċli.
L-ekonomija trid terġa’ tinbena bil-mod il-mod, mill-ġdid
It-turiżmu jrid jerġa’ jsir fattur importanti fl-ekonomija tagħna. Ir- rutina tal-ħajja soċjali trid terġa’ tinstab.
Jien għandi fiduċja kbira fil-kapaċitajiet tal-Poplu Malti u Għawdxi li jerġa’ jqum fuq saqajh mill-aktar fis. Għandi fiduċja li dak li tgħallimna li huwa importanti matul il-Pandemija ser inżommuh, nużawh u ngħożżuh.
Jiena nemmen li rridu niżviluppaw aktar f’soċjetà li tkun aktar ħanina, u li taf tagħder, speċjalment lill-anzjani tagħna, lin-nies vulnerabbli, lit- tfal tagħna, u tagħraf kemm hi kruċjali l-edukazzjoni tagħhom.
Irridu naraw kif ikollna aktar nisa fil-postijiet tat-tmexxija, u kif ebda settur tas-soċjetà tagħna ma jiġi ddiskriminat jew imwarrab fil-ġenb.
Hekk, u hekk biss ikollna l-armonija u l-paċi soċjali.
Nemmen li għandna bis-serjetà nwarrbu u nrażżnu l-ħsara bla qies li jagħmel il-‘hate speech’ speċjalment fuq il-mezzi tal-midja soċjali.
Filwaqt li bl-aktar mod kategoriku nemmen fil-bżonn ta’ ġurnaliżmu ħieles, b’daqstant ieħor forza nisħaq dwar il-ħsara li jista’ jagħmel ġurnaliżmu spekulattiv.
Ma nistgħux nippritkaw il-paċi ’l bogħod minn xtutna u madwarna, jekk ma nsibux il-paċi bejnietna f’pajjiżna.
Għandna nies kapaċi. Għandna talenti kbar u għandna biżżejjed.
Nistgħu ma naqblux filwaqt li nirrispettaw lil xulxin. Jekk inkunu mifrudin niddgħajfu.
Jekk inkunu magħqudin nissaħħu.
L-għaqda ta’ bejnietna għandha tkun iċ-ċavetta għas-suċċess ta’ pajjiżna.
Inħoss li hu ironiku, kif kemm ilna bil-pandemija tal-COVID-19, rajna fostna sens ta’ għaqda u solidarjetà li qabel ma konniex ninnutawh..
Għenna lil xulxin u waqafna għal xulxin.
Iżda nistaqsi, għandna għalfejn nistennew li jkollna xi kriżi biex ningħaqdu?
Bl-istess mod – għandna għalfejn ngħaddu minn trawmi politiċi biex nifhmu li l-politika għandha postha imma li m’għandniex inħalluha tifridna bħala Poplu?
Irridu nintebħu li nimxu kemm nimxu ’l quddiem ekonomikament, jekk tibqa’ l-firda bejnietna bħala nazzjon mhux ser nistagħnew iżda ser niftaqru.
Għalxejn nitkellmu dwar l-iżvilupp fil-qasam edukattiv jekk fostna jibqa’ jkun hemmil-preġudizzju.
Għalxejn ħa nippritkaw fuq l-inklużjoni jekk fuq ċerti kategoriji ta’ nies nibqgħu nitkellmu b’disprezz.
Bl-għaqda fostna biss, nistgħu nkunu sors ta’ paċi.
B’hekk biss nistgħu nippritkaw lil ħaddieħor biex jevita il-ġlied u l- firda.
Pajjiżna la huwa potenza politika u lanqas potenza ekonomika. Saħħitna bħala pajjiż fil-qasam internazzjonali, tinstab biss fil- koerenza politika tagħna, fil-konsistenza tal-vuċi tagħna, u fir-rispett li ngawdu għall-kompetenzi li pajjiżna wera matul iż-żmien fil-qasam politiku internazzjonali.
Huma dawn il-valuri li qegħdin inwiegħdu li nirrispettaw u niddefendu fil-politika internazzjonali li jħaddem pajjiżna, jekk ikollna x-xorti, kif nispera li jkollna, li nintgħażlu biex nokkupaw siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għas-snin 2023-2024.
Il-paċi madwarna tissaħħaħ jekk aħna nkomplu ngħożżu n-newtralità tagħna, li ssaħħaħ is-sovranità tagħna.
Inkomplu nsaħħuha jekk nibqgħu nisħqu li tinstab il-paċi fil-pajjiżi tar- reġjun tagħna u ‘ l bogħod minnu.
Tissaħħaħ jekk inkomplu naħdmu bla heda kontra t-tixrid tal- armamenti.
Kontra d-diskriminazzjoni. Kontra r-razziżmu.
Kontra l-ksenofobija. Kontra dak kollu li jifred.
Nagħlaq billi nieħu din l-okkażjoni biex nifraħ lil dawk kollha li ser jiġu onorati llum f’din iċ-Ċeremonja.
Eċċellenzi, Sinjuri,
Dan huwa l-aqwa mezz ta’ kif pajjiżna, b’mod kollettiv, jiżżi ħajr lil min jixraqlu għaliex ikun spikka b’mod jew ieħor fis-servizz li jkun ta għal ġid tar-Repubblika għażiża tagħna.
Nirringrazzjakom u nifirħilkom. Viva Malta Repubblika.