Akkademja ta’ tifkira fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla 27 ta’ Novembru 2019

Onorevoli Ministri

Onorevoli Membri Parlamentari

Mistednin distinti

  • Nibda billi nirringrazzja lill-organizzaturi għall-din l-istedina u għall-merbħa li qed ningħata ġo din il-belt storika ta’ Bormla.
  • Din hi belt li jien naf sew u li matul is-snin tgħallimt napprezza għar-rwol fundamentali li kellha għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.
  • Din hi ukoll belt li silfet bosta mill-ulied tagħha lil pajjiżna fil-qadi ta’ funzjonijiet politiċi u professjonali li sawwru l-pedamenti ta’ dan il-poplu.
  • Illum inġbarna biex infakkru ġrajjiet partikolari marbuta mal-istorja ta’ din il-belt u ta’ Malta kollha kemm hi, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
  • Dan l-aħħar ħadt ferm pjaċir nara rappurtaġġ fil-media lokali dwar il-ġrajjiet marbutin ma’ kif il-Bormliżi kienu bagħtu l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-kwadru titulari fil-bazilika ta’ Sta. Elena ġewwa Birkirkara biex ikunu mħarsa mill-attakki b’saħħithom mill-ajru.
  • Wara l-gwerra, propju fid-19 ta’ novembru, 1944, l-istatwa u l-kwadru titular kienu nġiebu lura fil-Kolleġġjata ta’ Bormla permezz ta’ pellegrinaġġ. Bla dubju ta’ xejn din kienet ġrajja ta’ ferħ kbir għall-poplu Bormliż li tant bagħta tul is-snin tal-gwerra, u li issa seta’ jerġa’ jilqa’ lill-Madonna li tagħha tant hu devot.
  • Tant huwa kbir is-sentiment tal-Bormliżi lejn dawn l-avvenimenti li fl-1994, sar monument – meqjus minn ħafna bħala l-ħolma tal-Arċipriet Dun Victor Cilia biex dan l-avveniment storiku jkun imfakkar mill-ġenerazzjonijiet futuri.
  • Naf ukoll illi l-Kunsill Lokali ta’ Bormla nnifsu ilu mill-1994 jfakkar dan il-pellegrinaġġ waqt li fl-istess ħin isellem lill-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
  • Napprezza ferm l-isforzi li qed isiru biex infakkru l-ġrajjiet tal-ġenerazzjoni li bagħtiet il-gwerra. Ma nistgħu qatt inwarrbu s-sagrifiċċju li sar – ta’ xi uħud b’ħajjthom stess – tul dawk is-snin ta’tbatija. Inkunu qed nonqsu lill-missirijietna kif ukoll lill-ġenerazzjonijiet ta’warajna jekk ma nfakkrux dawn l-episodji mqanqla tul l-istorja ta’ pajjiżna.
  • Għalhekk nieħu pjaċir ninnota kif il-kapitlu ta’ Bormla, fit-22 ta’ Ġunju 2019 fetaħ uffiċċjalment il-festi ta’ dan l-anniversarju permezz ta’ spettaklu awdjo-viziv ‘taħt ħarstek nistkennu’ li sar fil-Baċir Nru 1 ta’ Bormla bi proġettazzjonijiet mill-isbaħ fuq il-faċċata tal-knisja, u li għalih attendew eluf ta’ nies.
  • Segwejt ukoll kif il-Ħadd 3 ta’ novembru, 2019, biex il-poplu Bormliż jgħix mill-ġdid dan il-pellegrinaġġ, ittiehdet l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Bażilika ta’ Birkirkara u li sar pellegrinaġġ biex ifakkar propju dak li sar 75 sena ilu.
  • Barra minn hekk ftit tas-snin ilu, l-Kunsill Lokali ta’ Bormla ddeċieda li d-19 ta’ Novembru tant huwa jum speċjali għall-Bormliżi li din il-ġurnata għandha tiġi rikonoxxuta bhala ‘Jum Bormla’ u li f’din l-okkażjoni, jibda’ jingħata wkoll l-unur ‘Ġieħ Bormla’. Ħadt gost nattendi din l-okkażjoni ftit tal-ġranet ilu.
  • Qabel nagħlaq nixtieq insellem il-memorja ta’ dawk il-Bormliżi li taw is-servizz tagħhom mhux biss għall-iżvilupp ta’ din il-belt u pajjiżna kollu b’mod ġenerali, iżda wkoll ta’ dawk kollha li tul iż-żmien baqgħu jgħożżu lil-din il-belt u komplew jsaħħuha bil-ħidma u l-għaqal tagħhom

Grazzi.