Diskors mill-E.T. George Vella waqt iż-żjara għand ir-Richmond Foundation u Villa Chelsea, 29 ta’ Lulju 2019

Nibda billi nirringrazzja lir-Richmond Foundation tax-xogħol imprezzabbli li għamiltu għas-soċjetà tagħna għal dawn l-aħħar 26 sena fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità, il-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni ta’ mard mentali;

Nifhem li bħala għaqda mhux governattiva, ħafna mis-servizzi offruti huma fuq bażi volontarja u hawn nifraħ lil dawk kollha minnkom li l-ħin liberu tagħkom, flimkien mal-professjonisti, tiddedikawh għall-għajnuna ta’ nies li l-bżonn tagħhom forsi ma jidhirx bħal kundizzjonijiet oħra;

Dalgħodu impressjonajt ruħi bis-servizzi varji li toffri l-Fondazzjoni: kemm fejn jidħlu tfal u żgħażagħ kif ukoll adulti. Huwa tajjeb li nfakkru, li kundizzjoni mentali tista’ tolqot lil kulħadd, irrelevanti mill-età jew status soċjali. Għaldaqstant, għandi aprezzament kbir għal programmi bħal K.I.D.S, id-djar tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll il-programm offrut ġo Villa Chelsea, fost oħrajn;

Kif diġà tkellimt fid-diskors tal-ħatra, is-saħħa mentali ser tkun prijorità fuq l-aġenda Presidenzjali tiegħi u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet, biex flimkien mal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, tittella’ konferenza nazzjonali;

L-għan ta’ din il-konferenza ser ikun primarjament il-bżonn li nkissru l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali u nibdew djalogu aktar miftuħ fuq dan is-suġġett. Nemmen li għal ħafna żmien inqasna milli nagħtu lis-saħħa mentali l-attenzjoni li jixraqilha u dinjità lil min ikun għaddej minn xi problema ta’ din in-natura;

Nemmen li bħal kull ħaġa oħra, il-kura tas-saħħa mentali hija mixja kontinwa tul ħajjitna fejn irridu naħdmu fuqha ta’ kuljum;

Għalhekk, insellem u nagħmel kuraġġ lilkom kollha residenti ta’ Villa Chelsea.

Nifhem li qed tgħixu battalja interna kuljum u l-bżulija u l-impenn tagħkom biex timxu lejn ħajja aktar b’saħħitha huwa ġest nobbli, ta’ min ifaħħru u ta’ min jagħtih importanza.

Awguri lilkom kollha.

TMIEM