Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella fl-okkażżjoni tal-Inawgurazzjoni tal-uffiċini l-ġodda tal-AME Health and Saftey Services Ltd. – 3 ta’ Ottubru 2019, Gwardamangia

Onorevoli Ministri

Persuni Distinti

Għeżież ħbieb

Nirringrazzja lid-Diretturi u l-ħaddiema tal-AME Health and Safety Services Ltd għas-servizz li qed jagħtu lis-soċjetà dwar l-għarfien u l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fil-ħajja ta’ kuljum u anke barra mill-post tax-xogħol.

Fil-professjoni tiegħi bħala tabib, ħdimt mill-viċin ma’ bosta ħaddiema fuq postijiet varji tax-xogħol, fosthom it-Tarzna, u nifhem sew l-importanza ta’ dan is-suġġett. Hija realtà li l-għodod u r-ritmu ta’ ħafna xogħlijiet inbidlu maż-żmien u f’ħafna mis-setturi daħlu aktar l-użu tal-kompjuters u teknoloġija avvanzata. Dawn il-bidliet huma neċessarji u jikkumplimentaw l-avvanzi fix-xjenza.

Sfortunatament baqgħu magħna wkoll perikli fit-triq, fil-postijiet ta’ divertiment, u fuq kollox fid-djar tagħna. Għalhekk huwa essenzjali li jkollna kumpaniji organizzati u b’mod professjonali fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà. Dan sabiex bħala poplu, jista’ jkollna moħħna mistrieħ li teżisti rieda kemm fil-qasam tal-intrapriżi kif ukoll fil-qasam politiku, biex is-saħħa u s-sigurtà f’pajjiżna jkomplu jissaħħu. Liġijiet dwar dan is-settur għandna kemm trid. Li forsi m’għandniex  biżżejjed huwa l-infurzar.

Bħalma lkoll nafu, meta persuna tweġġa’ fuq il-post tax-xogħol, apparti l-ġrieħi fiżiċi, iġġarrab ukoll ġrieħi psikoloġiċi, li ħafna drabi jaffetwaw lill-familjari u lil dawk viċin il-persuna. Dan inissel sens ta’ qtigħ il-qalb, u kultant ftit li xejn jitħalla lok għal ħsieb pożittiv u ta’ tama. Dan iħalli wkoll impatt fuq sħabu tax-xogħol.

Is-saħħa u s-sigurtà mhux qegħdin hemm minħabba xi liġi jew infurzar.  Anzi bil-kontra – il-liġi ġiet imfassla preċiżament minħabba l-importanza illi s-saħħa u s-sigurtà jiġu mħarsa dejjem.  Mat-twelid, persuna tesponi ruħha għal riskji ta’ saħħa u sigurtà u għalhekk importanti illi s-soċjetà tkun taf u tagħraf sewwa x’inhuma r-riskji u xi prekawzjonijiet għandhom jittieħdu biex faċilment jiġu evitati inċidenti.

Meta wieħed ikun pro-attiv u jagħti kas is-saħħa u s-sigurtà mhux biss fuq il-post tax-xogħol iżda saħansitra kull fejn ikun, allura dan mhux biss jevita li jweġġa’ hu iżda jkun qed jgħin ukoll lil dawk ta’ madwaru.

Il-ħaddiema qatt ma nistgħu nħarsu lejhom bħala sempliċiment numru. Il-ħajja ta’ kull individwu, irrispettivament mix-xogħol li jagħmel għandha tiġi mħarsa.

Għaldaqstant nemmen, li kull ħaddiem irid ikollu aċċess għall-għarfien meħtieġ dwar id-drittijiet legali, kif ukoll l-għodda u t-taħriġ biex ħidmietu bl-inqas riskju possibbli.

Kif jgħid il-Malti, “bniedem avżat, nofsu armat.”  Jiena nemmen li meta l-persuna tkun infurmata dwar kif għandha tipproteġi saħħitha, tkun f’pożizzjoni li tista’ tagħmel għażliet aktar adattati għall-bżonnijiet partikolari tagħha.

Barra minn hekk, aħna nafu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-għerf. Għalhekk, l-informazzjoni b’lingwa li jifhimha kulħadd, u li tingħata b’mod adegwat, għandha tkun fuq quddiem tal-għanijiet tagħna. Ngħid li “jifhimha kulħadd”, anki fil-kuntest tat-taħlit ta’ ħaddiema barranin li llum jaħdmu f’pajjiżna, u li mhux neċessarjament jifhmu l-Malti jew l-Ingliż.

Nemmen ukoll li t-tagħlim tal-ħiliet u tal-imġiba korretta huma ta’ importanza kritika, sabiex l-individwi jħarsu s-saħħa u s-sigurtà emozzjonali u psikoloġika tagħhom, anke f’sitwazzjoni ta’ riskju serju.

Biex nieħdu ħsieb lill-ħaddiema kif inhu mistħoqq irridu nqisu l-umanità ta’ kull persuna. Jinħtieġ mela, li nkomplu nisimgħu lil xulxin, naqsmu bejnietna l-perspettiva ta’ xulxin u niftħu moħħna aktar għat-tagħlim.

Dan ifisser li għad hemm bżonn li l-awtoritajiet jingħaqdu mal-privat sabiex flimkien jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet mill-aktar fis u jaraw li r-rati ta’ dawn l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni, iniżżluhom b’mod drastiku.

Għal din ir-raġuni, irridu niżguraw li jkun hemm aktar attenzjoni biex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun aktar iffukata fuq il-persuna u fuq il-familja, biex ikun hemm ambjent li jirrispetta d-diversità tar-reliġjonijiet u tal-kulturi li jeżistu fil-gżejjer Maltin illum.

Irrid nieħu wkoll din l-opportunità biex nifraħ ix-xogħol bla heda li qed isir mill-AME Health and Safety Ltd., li qed jagħtu attenzjoni partikolari għal nies li qed jaħdmu f’diversi lantijiet tax-xogħol fejn ir-riskju huwa għoli kif ukoll fil-ħajja ċivili.

Ta’ min wieħed jirrikonoxxi s-solidarjetà li qed twettqu, u li qed tkunu wkoll ta’ xempju ta’ kif għandhom joperaw kumpaniji oħra fil-qasam tagħkom.

Fl-aħħar nett inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna, sabiex dan is-suġġett nibdew nindirizzawh fuq livell mhux biss politiku (fejn tidħol il-bżonn ta’ leġiżlazzjoni aħjar u aktar infurzar)  iżda saħansitra akkademiku sabiex minn età żgħira t-tfal tagħna jibdew jagħmlu distinzzjoni bejn dak li jissalvagwardjana u dak li jista’ jkun ta’ periklu għalina.

Nawgura li, bħala soċjetà Maltija, nibqgħu magħqudin flimkien, biex inkomplu nappoġġjaw lil xulxin biex ngħixu ħajja b’saħħitha u produttiva il-bogħod mill-korrimenti u l-konsegwenzi li jġibu magħhom.

Jien konvint  li bir-reżiljenża u bid-dinjità nistgħu naffaċċjaw dawn l-isfidi.