Diskors tal-Eċċellenza Tiegħu, George Vella, President ta’ Malta, fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju u l-inawgurazzjoni tal-faċċata tal-Każin tal-Banda Sant’ Elena ta’ Birkirkara, 2 ta’ Mejju 2019

Onorevoli Membri

Uffiċjali għolja u Membri tal-Kumitat tal-Każin tal-Banda Sant’ Elena

Sinjuri

Nixtieq nibda billi nirringrazzjakom talli għoġobkom tistidnuni nkun magħkom għal dan l-avveniment tal-lum, fejn qed tiċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena.  Dan huwa anniversarju presitġġjuż. Ċentenarju, li matulu, l-Għaqda kattret u saħħet id-devozzjoni lejn il-patruna Santa Elena.

Tassew bi pjaċir ninnota, li l-viżjoni ta’ dawk li waqqfu din l-Għaqda fl-1919, baqgħet tintiret, tikber u tiġġedded sal-ġurnata tal-lum. Nieħu gost nara li b’ħidmietkom qed tkomplu tippromwovu il-wirt kulturali, tanġibli w intaġibli Malti.

Fuq dak li hu tanġibli, bi pjaċir nattesta l-ġmiel ta’ restawr li sar fuq il-faċċata ta’ din il-binja, kif ukoll fuq l-intrata, fejn toħroġ biċ-ċar l-artistrija tax-xogħol fil-ġebla Maltija kif ukoll fl-irħam. Bix-xieraq li jingħata wkoll ringrazzjament lil dawk kollha li bil-fondi, l-ħin u l-ħidma tagħhom, ħafna minnu b’mod volontarju, ikkontribwixew sabiex jagħmlu dan kollu possibbili, u issa, jista’ jitgawda minn kulħadd.

Kif diġa` aċċenajt, l-importanza tal-Għaqda tagħkom tmur lil hinn mill-binja tal-każin. Bil-ħidma tagħkom qedin tiżguraw li l-patrimonju Malti f’dan il-qasam jibqa ħaj fost is-soċjeta` tagħna. Għalhekk, irrid infaħħar l-inizjattiva li ħadtu li torganizza mitt avveniment għal sena sħiħa biex tikkomemoraw dan iċ-ċentenarju. Napprezza l-ħin u l-ħidma li jinvolvu attivitajiet bħal dawn.

Irrid nieħu spunt ukoll, sabiex nagħti rikonoxximent ukoll tal-importanza ta’ għaqdiet bħal tagħkom li jagħtu opportunita` liż-żgħażagħ li jipparteċipaw b’mod attiv biex b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom fil-lokalita` tagħhom stess. Ħafna drabi għaqdiet bħal tagħkom ikunu l-ewwel opportunit` li jkollhom iż-żgħażagħ li jkunu attivi soċjalement.

Ta’ min isemmi wkoll it-tagħlim tal-mużika li jingħata b’xejn, f’dan il-każ, matul dawn l-aħħar mitt sena. Id-dedikazzjoni u l-ħidma tal-għalliema huwa l-fulkru li jiżgura li l-għaqdiet mużikali, jibqgħu jiġġeneraw patrimonju mużikali fil-futur.

Hawnhekk naslu biex nifhmu li l-vera suċċess ta’ dan iċ-ċentenarju li l-Għaqda tagħkom qed tiċċelebra, huwa dak tal-valuri li kreat: arkitettoniċi, artistiċi u mużikali, li jibqgħu jitgawdew matul is-snin.

Proset tax-xogħol li qed tagħmlu, u filwaqt li nawgurallkom ħidma sfiqa għal aktar snin, nixtiqilkom minn qalbi l-festa t-tajba (tas-Santu Kruċ) għal għada.