Diskors tal-President l-Eċċellenza Tiegħu George Vella, fl-okkażjoni taċ-Ċentenarju u ftuħ ta’ ċentru ġdid mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri Ħal Qormi, 23 ta’ April 2019

Onorevoli Membri

Uffiċjali għolja u Membri tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri

Sinjuri

 

Ninsab ferm onorat li kelli l-opportunità naqsam magħkom il-Qriema dan l-anniversarju hekk importanti. L-istorja twila, il-pubblikazzjoni tal-ktieb, u l-ftuħ taċ-ċentru għat-taħriġ huma xhieda tal-impenn soċjali u komunitarju ta’ dan il-kumitat. L-għeluq il-mitt sena huwa wkoll ċertifikat ta’ suċċess kif dan il-kumitat għaraf iżomm il-pass maż-żmienijiet, u jnissel f’ġenerazzjoni wara l-oħra l-istess interess, dedikazzjoni, u mħabba lejn il-festa u l-armar daqs il-pijunieri tal-1919.

Nsellem għalhekk il-memorja ta’ dawk il-membri kollha li b’xi mod jew ieħor iddedikaw ħin prezzjuż, riżorsi, u finanzi biex mal-medda taż-żmien il-festa esterna ta’ San Ġorġ Martri tkompli tikber fid-daqs  u l-popolarità. Tassew ta’ min jammira d-dedikazzjoni ta’ dawn il-membri li jaħsbu f’kull dettall, u b’reqqa kbira jaraw li sena wara l-oħra tkomplu titjieb l-kwalità tal-festa.

Huwa ta’ sodisfazzjon li nara bosta uċuħ żgħażagħ u nisma’ bl-importanza tal-irwol tagħhom fi ħdan il-kumitat. Nemmen li l-element żagħżugħ huwa essenzjali biex organizzazzjonijiet simili jżommu ħajja it-tradizzjoni u l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali lokali.

Il-ftuħ taċ-ċentru għat-taħriġ huwa wkoll sinjal b’saħħtu favur it-tagħlim extra-kurrikulari u artistiku. Nemmen għalhekk li l-kumitat, bħal ma għamel f’dawn l-aħħar mitt sena,  qed ikompli jservi ta’ pjattaforma ta’ tagħlim u tisħiħ tal-kultura għal komunità ta’ San Ġorġ. Nawgura lill-kumitat kull suċċess fil-programm ta’ taħriġ.

Is-sena 2019 hija data sinifikanti anka għal Malta. Fil-fatt, propju mitt sena ilu, Malta kienet għaddejja minn tibdiliet soċjo-politiċi u ekonomiċi li sabu l-qofol  tagħhom fl-irvellijiet tas-7 Giugno. Għalkemm l-irvellijiet imdemmija ħallew teba fuq l-istorja ta’ pajjiżna, huma xhieda annwali tal-kisbiet soċjali u politiċi ta’ missirijietna, u  servew biex wittew it-triq għall-pajjiż demokratiku u sovran li qed ngħixu fih illum.

L-anniversarju ta’ dan il-kumitat huwa wkoll xhieda ta’ kisbiet oħra Maltin li għadna ngawdu l-frott tagħhom sal-lum. F’dan il-kas qed naraw poplu b’viżjoni u determinazzjoni li jimxi ’l quddiem u jkompli jħaddan valuri sodi, imħabba, u dedikazzjoni għall-attivitajiet reliġjużi, kulturali, u edukattivi.

Il-pubblikazzjoni ta’ ktieb annotat u illustrat hija idea tajba ħafna, għax ser ikun qed jissiġilla l-ewwel mitt sena storja ta’ dan il-kumitat. Iżda huwa wkoll utli għal Malta kollha, għax jiġbor fih il-ħidma ta’ mijiet ta’ volontiera li b’dedikazzjoni kbira jqattgħu biċċa kbira minn ħajjithom jaħdmu b’risq dan il-proġett.

Nerġa’ minn hawn nsellem u nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom u nawguralkom kull suċċess għal futur.

-Tmiem-