Messaġġ irrekordjat mill-ET George Vella, President ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-demm, 14 ta’ Ġunju 2020

Hekk kif joqrob l-14 ta’ Ġunju, id-dinja tfakkar jum speċjali u importanti ħafna għas-saħħa u l-iżvilupp tal-umanità, il-Jum Dinji tad-donaturi tad-demm. F’dan il-jum, iżda anka matul ix-xhar kollu ta’ Ġunju, niftakru fl-importanza li l-pajjiż u d-dinja in ġenerali jkollha riżerva tajba ta’ demm u li tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Minbarra dan, dan il-jum huwa wisq aktar importanti għax huwa mezz ta’ kif nirringrazzjaw u nuru l-apprezzament tagħna lid-donaturi kollha li b’ġest tant nobbli u altruwistiku jagħżlu li jagħtu d-demm u jkunu ta’ għajnuna konkreta lil min għandu bżonn.

Nafu, li d-domanda lokali għat-trasfużjonijiet taqbeż il-21,000 fis-sena u meta jkun hemm xi aċċident gravi jew li jinvolvi bosta midruba, dan in-numru jiżdied sew.

S’issa, f’Malta, d-donazzjonijiet tad-demm minn dejjem saru mingħajr ebda pretensjoni ta’ xejn mid-donatur. Ta’ dan, ngħidilkom ‘grazzi’. Grazzi talli dejjem bqajtu leali lejn il-pazjenti li permezz tagħkom ikollhom tama ta’ fejqan u ta’ ħajja aħjar. Grazzi, mhux biss tal-att tad-donazzjoni nnifsu, iżda wkoll tal-eżempju li qegħdin tagħtu lil nies oħra biex b’hekk tkompli tikber il-kultura tal-għoti tad-demm f’pajjiżna.

Bi pjaċir ngħid li minkejja ċ-ċokon tagħna, il-poplu Malti dejjem kien ta’ qalb kbira, u s’issa grazzi għal numru ta’ donaturi dejjem evitajna sitwazzjonijiet ta’ skarsità.

Din is-sena t-tema ta-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm hija Demm bla mard isalva l-ħajja tan-nies (Safe blood saves lives), u l-importanza li jkun hemm donazzjonijiet tad-demm spissi u kontinwi biex niżguraw dinja aktar b’saħħitha (Give blood and make the world a healthier place). F’dawn il-ġranet ser jinxtgħelu numru ta’ binjiet pubbliċi bil-kulur aħmar bħala simbolu ta’ dan il-jum, iżda anka inkoraġġiment biex aktar nies isiru donatui tad-demm.

Minn hawn nagħmel appell biex aktar nies jingħaqdu mad-donaturi preżenti u jiżguraw li r-riserva tad-demm qatt ma tkun fil-periklu li tispiċċa. Id-donaturi huma ċ-ċavetta biex il-ħidma tal-professjonisti tkun tista’ titwettaq bl-aħjar mod u l-pazjent jingħata l-aħjar kura.  Inħeġġeġ għalhekk lil dawk li għadhom qatt ma ħadu sehem f’din il-kampanja nobbli u jingħaqdu ma’ donaturi oħrajn biex flimkien niżguraw li pajjiżna jkollhu dejjem riżerva tajba ta’ demm.

Nieħu spunt minn dan, sabiex insellem li dawk kollha li jaħdmu fis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, kif ukoll tal-banek tad-demm tal-Isptar Mater Dei u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u nirringrazjhom tal-ħidma tagħhom. Ix-xogħol li tant jagħmlu b’dedikazzjoni kuljum, huwa kruċjali għal pajjiżna. Huwa bis-saħħa tagħkom, flimkien ma’ numru sabiħ ta’ donaturi, li Malta tista’ tiżgura li jkollha riżerva adegwata u ta’ kwalità hekk kif mitlub mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Għaldaqstant nagħlaq billi mil-ġdid nagħmel l-appell tiegħi biex aktar nies jikkunsidraw li jsiru donaturi tad-demm fuq bażi regolari u ma jistennewx li tinqala’ xi emerġenza biex jagħtu d-demm.

Grazzi.