The President of Malta

15-il kumpanija u entità jissieħbu fl-inizjattiva strinacrowdfunding.mt

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

15-il kumpanija u entità jissieħbu fl-inizjattiva strinacrowdfunding.mt

15-il kumpanija u entità ngħaqdu fil-kampanja strinacrowdfunding.mt b’risq The Malta Community Chest Fund (MCCF).

Waqt it-tnedija tat-tielet edizzjoni ta’ din il-pjattaforma diġitali, il-President George Vella qal li dawn in-negozji u l-entitajiet volontarjament għażlu li jkunu parti minn strinacrowdfunding.mt u kkommettew li jiġbru xi ħaġa żgħira mingħand kull klijent u jgħadduha lill-MCCF fl-Istrina fis-26 ta’ Diċembru. Uħud mill-kumpaniji ħolqu inizjattivi promozzjonali bħal BCRS li mill-14 ta’ Novembru sal-Milied se toffri ċ-ċans lil min se jirritorna l-kontenituri tax-xorb fit-300 Reverse Vending Machines biex id-depożitu ta’ €0.10ċ fuq kull kontenitur jgħaddih lill-MCCF.

“Il-ġbir ma jistax ikun limitat biss għas-26 ta’ Diċembru għaliex hemm 364 ġurnata oħra li matulhom l-MCCF kontinwament tirċievi talbiet għall-għajnuna, speċjalment mingħand persuni morda bil-kanċer li jkollhom bżonn mediċini li jiswew ħafna flus u li qed jgħinuhom jgħixu aktar fit-tul,” qal il-President, waqt li fakkar li quddiem dawn it-talbiet, l-MCCF ma tistax tirrifjuta li tgħin.

Simon Decesare, Kap Eżekuttiv ta’ Eden Leisure Group, qal li fil-perjodu tal-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena se jkunu qed iħeġġu lill-klijenti taċ-ċinema, il-bowling u l-gym biex jagħtu donazzjoni żgħira lil min għaddej minn żmien diffiċli filwaqt li l-lukanda Intercontinental se torganizza tournament għall-klijenti tagħha bil-flus miġbura jmorru għall-fond ta’ strinacrowdfunding.mt.

Il-kumpaniji u l-entitajiet li ssieħbu f’din l-inizjattiva strinacrowdfunding.mt huma Enemed, PAVI u PAMA, BCRS, Eden Leisure Group, Arkadia Foodstore, Benna, Gozo Channel, Maypole, Klabb Kotba Maltin, VIBE FM, Costa Coffee, Timecare Media, Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki, Malta Motorsport Federation u Convenience Shop.

Link to newscut and speechhttps://we.tl/t-t9HGLamZne

Skip to content