Il-Palazz tal-Belt

Il-Palazz jinsab proprju fil-qalba tal-Belt Valletta, Belt ta’ Patrimonju Dinji mibnija mill-Ordni Militari Sovran tal-Kavallieri Ospitaljeri ta’ San Ġwann wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta fl-1565. Minbarra li hu l-Uffiċċju tal-President, il-Palazz kien iservi wkoll bħala s-sede tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u hu mżejjen b’armerija, li tixhed il-kisbiet il-kbar li għamel l-Ordni fiż-żminijiet imgħoddija.

Kien fi żmien il-ħakma tal-Granmastru Jean de La Cassiere (1572-1581) illi ttellgħet l-ewwel binja f’dan il-post bil-għan li tintuża bħala l-Palazz tal-Granmastru. Il-Granmastri li ġew wara komplew ikabbru u jsebbħu din il-binja oriġinali sakemm għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 18, il-Palazz ħa s-sura li għandu llum. Wara l-ħakma tal-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800, il-Palazz ittieħed mill-amministrazzjoni Ingliża u beda jservi bħala l-Palazz tal-Gvernatur. Il-Palazz ra wkoll l-iżviluppi kostituzzjonali ta’ Malta minħabba li kien is-sede tal-ewwel Parlament Kostituzzjonali fl-1921 u, wara l-Indipendenza tal-1964, sar is-sede tal-Parlament kif ukoll tal-Kap tal-Istat.