Żewġ Kummissarji Għolja, Nunzju Appostoliku u Ambaxxatur ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Wojciech Załuski, Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede;
L-Eċċellenza Tagħha, Ono Hikariko, Ambaxxatriċi tal-Ġappun;
L-Eċċellenza Tagħha, Regina Appiah-Sam, Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Ghana;
u
L-Eċċellenza Tiegħu, Veiccoh K. Nghiwete, Kumissarju Għoli tar-Repubblika tan-Namibja.
Waqt il-laqgħa tagħha man-Nunzju Appostoliku, li assuma wkoll l-irwol ta’ Dekan tal-Korp Diplomatiku f’Malta, l-Eċċellenza Tagħha ferħitlu u awguratlu għal aktar ħidma mill-qrib mas-Santa Sede. Min-naħa tiegħu, in-Nunzju Appostoliku enfasizza li s-Santa Sede tagħti importanza kbira lir-relazzjoni tagħha ma’ Malta u huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet.
Fil-laqgħa tagħha, l-Ambaxxatriċi tal-Ġappun innotat li Malta u l-Ġappun igawdu minn relazzjonijiet eċċellenti, imsaħħa aktar minn diversi inizjattivi u skambji sinifikanti. Min-naħa tagħha, il-President iffokat fuq il-prospetti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-oqsma tal-kummerċ, tal-kultura u anke tat-turiżmu.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Ghana, li hi residenti f’pajjiżna, esprimiet ix-xewqa tagħha li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet u l-entitajiet sabiex tippromwovi l-kuntatti bejn in-nies u r-relazzjonijiet kulturali. Hija rreferiet għal opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija, kif ukoll għal skambji interparlamentari, filwaqt li nnotat li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jibbenefikaw minn qsim tal-esperjenzi ta’ xulxin.
L-Eċċellenza Tagħha għarfet li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ssaħħew tul is-snin, speċjalment bil-ftuħ tal-ewwel rappreżentanza Maltija fl-Afrika sub-Saħarjana f’Accra ftit tas-snin ilu. Hija qalet li hemm opportunità biex dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu, u semmiet is-setturi tal-edukazzjoni u l-ospitalità bħala żewġ niċeċ li jistgħu jiġu esplorati. Il-President semmiet ukoll l-importanza ta’ kooperazzjoni fil-Commonwealth u f’fora internazzjonali oħra.
Waqt il-laqgħa tiegħu mal-President ta’ Malta, il-Kummissarju Għoli tan-Namibja esprima x-xewqa li pajjiżu jespandi r-relazzjonijiet bilaterali f’diversi setturi, partikolarment fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, tat-turiżmu u tal-edukazzjoni. B’mod partikolari, huwa nnota li s-sistema edukattiva tan-Namibja tista’ tieħu l-eżempju u l-esperjenza ta’ Malta u tadatta prattiċi f’dan il-qasam.
Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, qablet illi hemm lok biex issir ħidma ħalli jiġu esplorati oqsma ta’ kooperazzjoni, u aċċennat ukoll għall-importanza illi il-membri tal-Commonwealth jaħdmu biex mis-sħubija tagħhom fil-Commonwealth jibnu relazzjonijiet komuni meta jkunu f’fora internazzjonali oħra, bħal pereżempju fin-Nazzjonijiet Uniti.
Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lin-Nunzju Appostoliku, l-Ambaxxatur u Kumissarji Għolja għall-ħatra tagħhom.