President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Żewġ Kummissarji Għolja, Nunzju Appostoliku u Ambaxxatriċi jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom

Żewġ Kummissarji Għolja, Nunzju Appostoliku u Ambaxxatur ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.

Dawn huma:

L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Wojciech Załuski, Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede;

L-Eċċellenza Tagħha, Ono Hikariko, Ambaxxatriċi tal-Ġappun;

L-Eċċellenza Tagħha, Regina Appiah-Sam, Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Ghana;

u

L-Eċċellenza Tiegħu, Veiccoh K. Nghiwete, Kumissarju Għoli tar-Repubblika tan-Namibja.

Waqt il-laqgħa tagħha man-Nunzju Appostoliku, li assuma wkoll l-irwol ta’ Dekan tal-Korp Diplomatiku f’Malta, l-Eċċellenza Tagħha ferħitlu u awguratlu għal aktar ħidma mill-qrib mas-Santa Sede.  Min-naħa tiegħu,  in-Nunzju Appostoliku enfasizza li s-Santa Sede tagħti importanza kbira lir-relazzjoni tagħha ma’ Malta u huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet.

Fil-laqgħa tagħha, l-Ambaxxatriċi tal-Ġappun innotat li Malta u l-Ġappun igawdu minn relazzjonijiet eċċellenti, imsaħħa aktar minn diversi inizjattivi u skambji sinifikanti. Min-naħa tagħha, il-President iffokat fuq il-prospetti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-oqsma tal-kummerċ, tal-kultura u anke tat-turiżmu. 

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Ghana, li hi residenti f’pajjiżna, esprimiet ix-xewqa tagħha li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet u l-entitajiet sabiex tippromwovi l-kuntatti bejn in-nies u r-relazzjonijiet kulturali. Hija rreferiet għal opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija, kif ukoll għal skambji interparlamentari, filwaqt li nnotat li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jibbenefikaw minn qsim tal-esperjenzi ta’ xulxin.

L-Eċċellenza Tagħha għarfet li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ssaħħew tul is-snin, speċjalment bil-ftuħ tal-ewwel rappreżentanza Maltija fl-Afrika sub-Saħarjana f’Accra ftit tas-snin ilu. Hija qalet li hemm opportunità biex dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu, u semmiet is-setturi tal-edukazzjoni u l-ospitalità bħala żewġ niċeċ li jistgħu jiġu esplorati.  Il-President semmiet ukoll l-importanza ta’ kooperazzjoni fil-Commonwealth u f’fora internazzjonali oħra.

Waqt il-laqgħa tiegħu mal-President ta’ Malta, il-Kummissarju Għoli tan-Namibja esprima x-xewqa li pajjiżu jespandi r-relazzjonijiet bilaterali f’diversi setturi, partikolarment fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, tat-turiżmu u tal-edukazzjoni. B’mod partikolari, huwa nnota li s-sistema edukattiva tan-Namibja tista’ tieħu l-eżempju u l-esperjenza ta’ Malta u tadatta prattiċi f’dan il-qasam.

Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, qablet illi hemm lok biex issir ħidma ħalli jiġu esplorati oqsma ta’ kooperazzjoni, u aċċennat ukoll għall-importanza illi il-membri tal-Commonwealth jaħdmu biex mis-sħubija tagħhom fil-Commonwealth jibnu relazzjonijiet komuni meta jkunu f’fora internazzjonali oħra, bħal pereżempju fin-Nazzjonijiet Uniti.

Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lin-Nunzju Appostoliku, l-Ambaxxatur u Kumissarji Għolja  għall-ħatra tagħhom.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.