President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza t-tnedija ta’ L-Għanja tat-Tifkira

Bi pjaċir nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton għall-preżentazzjoni tat-tieni volum ta’ “L-Għanja tat-Tifkira”, tal-Kavallier Joe M. Attard.

Din il-pubblikazzjoni hija antoloġija nostalġika, li tikseb il-fiduċja intima tal-qarrej u tħalli fih marka  dejjiema bil-vrus ta’ bejn il-linji.

Li huwa uniku f’din il-ġabra ta’ xogħlijiet tal-Kavallier Joe M. Attard huwa l-fatt li dawn inkitbu biex jikkomemmoraw mumenti importanti fil-ħajja tan-nies –  minn tiġijiet u anniversarji, magħmudijiet, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, għeluq is-snin, festi tal-irħula, okkażjonijiet ċiviċi u, sat-tifkira ta’ dawk li ħallewna.

Din il-ġabra ta’ poeżiji tirrifletti mhux bi ftit ix-xogħol estensiv tul il-karriera letterarja tal-Kavallier Joe M. Attard, poeta, kittieb, storiku u kontributur per eċċellenza għas-salvagwardjar u promozzjoni tal-ilsien Malti. 

Id-damma tal-kliem fil-poeżija ta’ Attard, flimkien ma l-għażla b’reqqa ta’ kelma minflok oħra, mhux biss jipproteġu l-għeruq tal-lingwa tagħna, iżda jżommuha ħajja fir-rikkezza tagħha — bħala mezz uniku ta’ komunikazzjoni li kien biss f’dawn l-aħħar mitt sena li b’mod konxju, bdejna niżviluppaw, inħeġġu u napprezzaw, biex bil-mod il-mod nibnu letteratura Maltija li tagħti spazju għall-promozzjoni ta’ ġeneri differenti, speċjalment dawk li jippreservaw il-memorji mhux biss mill-ħajja tal-awturi u poeti nfushom, iżda wkoll tal-poplu.

Għal min jaf lill-Kavallier Joe M. Attard, jintebaħ li din l-antoloġija tiġbor fiha l-istil tipiku tiegħu, fejn jagħżel b’mod espliċitu li jeżalta l-elementi tal-ħajja ta’ kuljum fejn il-poeżija takkumpanja lin-nies fil-mumenti ta’ ferħ, tfarraġhom fin-niket u tesprimi b’mod dejjiemi sentimenti li forsi jsibuha diffiċli biex jesprimuhom huma stess.

F’dan is-sens, il-poeżija tiegħu taqdi funzjoni doppja; dik li tippromwovi l-lingwa Maltija bħala mezz ħaj ta’ komunikazzjoni, u dik li tippreserva l-istejjer u l-avvenimenti li jagħmluna poplu b’identità unika, u għalhekk, tikkontribwixxi biex tinżamm il-memorja kollettiva.

Ħarsa ħafifa lejn żewġ poeżiji partikolari f’din l-antaloġija wieħed jista’ jara kif dan iseħħ.

Fil-poeżija ‘Lil Għawdex Tiegħi’, il-Kavallier Attard jagħti tislima speċjali lill-gżira li tant iħobb permezz ta’ ritratti nostaliġiċi tal-gżira Għawdxija, flimkien mal-karattru ħabrieki tan-nies tagħha.

Iżda ma jiqafx hawn: bħal kull poeżija oħra tiegħu, il-Kavallier Attard iwassal messaġġ importanti dwar l-effetti negattivi tal-isfreġju fuq l-ambjent naturali u kif dan jista’ jġib fix-xejn l-identità Għawdxija jekk ma nagħtux każ, u nifittxu li ngħożżuh u nipproteġuh. 

Poeżija oħra li tistħoqqilha tissemma hija “Inħobbok, Marija”. Din hija poeżija reliġjuża indirizzata lill-Verġni Mbierka, u tirrifletti l-fidi u d-devozzjoni Marjana.

Din il-poeżija hija biss waħda minn għexieren oħra ddedikati lill-Madonna.  Meta il-poeta jirreferi għal Madonna bl-isem ta’ Marija, min bħali jaf lil Joe u l-familja tiegħu ta’ tfulitna, hija naturali li niftakru f’Marija mart il-poeta, li fuq kollox dan it-tieni volum ta’ L-Għanja tat-Tifkira huwa ddedikat għaliha.     

Għalhekk li, minkejja li l-poeżiji huma tematiċi minn natura tagħhom, l-interpretazzjoni tagħhom tibqa’ waħda personali.

Hekk kif il-Kavallier Attard jikteb bi stil ritmiku u aċċessibbli, marbut mill-qrib mal-forom popolari tal-poeżija Maltija, il-poeżija tiegħu mhix maħsuba biss biex tinqara fis-skiet — pjuttost bil-kontra!

Il-poeżija tal-Kavallier Attard hija ntiża li tinqara b’esklamazzjoni u b’emozzjoni,  biex tiġi reċitata u kondiviża fost il-familji u l-komunitajiet.

Permezz tagħha, l-esperjenza personali ssib postha fil-wirt letterarju u kulturali tagħna.

Sinċerament, nifraħ minn qalbi lill-Kavallier Joe M. Attard għal din il-pubblikazzjoni, u jalla jkun hemm opportunità li aktar poeżiji u kitbiet tiegħu jiġu ppublikati, b’hekk ikunu aċċessibbli għal pubbliku, mhux biss dak preżenti iżda wkoll ġenerazzjonijiet futuri.    

Jalla L-Għanja tat-Tifkira ssib postha f’ħafna djar, u l-poeżiji tagħha jibqgħu jfakkruna li l-ħajja ta’ komunità mhix iffurmata biss minn avvenimenti pubbliċi kbar, iżda wkoll mill-mumenti personali ta’ fidi, ċelebrazzjoni, servizz, imħabba u tifkira li jgħaqqdu lin-nies ta

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.