Bi pjaċir nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton għall-preżentazzjoni tat-tieni volum ta’ “L-Għanja tat-Tifkira”, tal-Kavallier Joe M. Attard.
Din il-pubblikazzjoni hija antoloġija nostalġika, li tikseb il-fiduċja intima tal-qarrej u tħalli fih marka dejjiema bil-vrus ta’ bejn il-linji.
Li huwa uniku f’din il-ġabra ta’ xogħlijiet tal-Kavallier Joe M. Attard huwa l-fatt li dawn inkitbu biex jikkomemmoraw mumenti importanti fil-ħajja tan-nies – minn tiġijiet u anniversarji, magħmudijiet, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, għeluq is-snin, festi tal-irħula, okkażjonijiet ċiviċi u, sat-tifkira ta’ dawk li ħallewna.
Din il-ġabra ta’ poeżiji tirrifletti mhux bi ftit ix-xogħol estensiv tul il-karriera letterarja tal-Kavallier Joe M. Attard, poeta, kittieb, storiku u kontributur per eċċellenza għas-salvagwardjar u promozzjoni tal-ilsien Malti.
Id-damma tal-kliem fil-poeżija ta’ Attard, flimkien ma l-għażla b’reqqa ta’ kelma minflok oħra, mhux biss jipproteġu l-għeruq tal-lingwa tagħna, iżda jżommuha ħajja fir-rikkezza tagħha — bħala mezz uniku ta’ komunikazzjoni li kien biss f’dawn l-aħħar mitt sena li b’mod konxju, bdejna niżviluppaw, inħeġġu u napprezzaw, biex bil-mod il-mod nibnu letteratura Maltija li tagħti spazju għall-promozzjoni ta’ ġeneri differenti, speċjalment dawk li jippreservaw il-memorji mhux biss mill-ħajja tal-awturi u poeti nfushom, iżda wkoll tal-poplu.
Għal min jaf lill-Kavallier Joe M. Attard, jintebaħ li din l-antoloġija tiġbor fiha l-istil tipiku tiegħu, fejn jagħżel b’mod espliċitu li jeżalta l-elementi tal-ħajja ta’ kuljum fejn il-poeżija takkumpanja lin-nies fil-mumenti ta’ ferħ, tfarraġhom fin-niket u tesprimi b’mod dejjiemi sentimenti li forsi jsibuha diffiċli biex jesprimuhom huma stess.
F’dan is-sens, il-poeżija tiegħu taqdi funzjoni doppja; dik li tippromwovi l-lingwa Maltija bħala mezz ħaj ta’ komunikazzjoni, u dik li tippreserva l-istejjer u l-avvenimenti li jagħmluna poplu b’identità unika, u għalhekk, tikkontribwixxi biex tinżamm il-memorja kollettiva.
Ħarsa ħafifa lejn żewġ poeżiji partikolari f’din l-antaloġija wieħed jista’ jara kif dan iseħħ.
Fil-poeżija ‘Lil Għawdex Tiegħi’, il-Kavallier Attard jagħti tislima speċjali lill-gżira li tant iħobb permezz ta’ ritratti nostaliġiċi tal-gżira Għawdxija, flimkien mal-karattru ħabrieki tan-nies tagħha.
Iżda ma jiqafx hawn: bħal kull poeżija oħra tiegħu, il-Kavallier Attard iwassal messaġġ importanti dwar l-effetti negattivi tal-isfreġju fuq l-ambjent naturali u kif dan jista’ jġib fix-xejn l-identità Għawdxija jekk ma nagħtux każ, u nifittxu li ngħożżuh u nipproteġuh.
Poeżija oħra li tistħoqqilha tissemma hija “Inħobbok, Marija”. Din hija poeżija reliġjuża indirizzata lill-Verġni Mbierka, u tirrifletti l-fidi u d-devozzjoni Marjana.
Din il-poeżija hija biss waħda minn għexieren oħra ddedikati lill-Madonna. Meta il-poeta jirreferi għal Madonna bl-isem ta’ Marija, min bħali jaf lil Joe u l-familja tiegħu ta’ tfulitna, hija naturali li niftakru f’Marija mart il-poeta, li fuq kollox dan it-tieni volum ta’ L-Għanja tat-Tifkira huwa ddedikat għaliha.
Għalhekk li, minkejja li l-poeżiji huma tematiċi minn natura tagħhom, l-interpretazzjoni tagħhom tibqa’ waħda personali.
Hekk kif il-Kavallier Attard jikteb bi stil ritmiku u aċċessibbli, marbut mill-qrib mal-forom popolari tal-poeżija Maltija, il-poeżija tiegħu mhix maħsuba biss biex tinqara fis-skiet — pjuttost bil-kontra!
Il-poeżija tal-Kavallier Attard hija ntiża li tinqara b’esklamazzjoni u b’emozzjoni, biex tiġi reċitata u kondiviża fost il-familji u l-komunitajiet.
Permezz tagħha, l-esperjenza personali ssib postha fil-wirt letterarju u kulturali tagħna.
Sinċerament, nifraħ minn qalbi lill-Kavallier Joe M. Attard għal din il-pubblikazzjoni, u jalla jkun hemm opportunità li aktar poeżiji u kitbiet tiegħu jiġu ppublikati, b’hekk ikunu aċċessibbli għal pubbliku, mhux biss dak preżenti iżda wkoll ġenerazzjonijiet futuri.
Jalla L-Għanja tat-Tifkira ssib postha f’ħafna djar, u l-poeżiji tagħha jibqgħu jfakkruna li l-ħajja ta’ komunità mhix iffurmata biss minn avvenimenti pubbliċi kbar, iżda wkoll mill-mumenti personali ta’ fidi, ċelebrazzjoni, servizz, imħabba u tifkira li jgħaqqdu lin-nies ta