L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-attività nazzjonali Mixja mal-President se ssir nhar il-Ħadd 17 ta’ Novembru, bil-parteċipanti li se jimxu mill-Palazz ta’ Sant’Anton sal-Palazz tal-President, fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
Mal-wasla fil-Belt, fi Pjazza San Ġorġ ser ikun hemm varjetà ta’ attivitajiet għall-familja kollha, b’logħob għat-tfal, ikel u xorb kif ukoll divertiment u mużika.
Dettalji dwar l-attività ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha l-President Myriam Spiteri Debono, akkumpanjata mill-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, ix-Shadow Minister David Agius, is-Sur Kevin Chircop, Chairman Eżekuttiv tal-isponsors ewlenin Enemed u s-Sinjura Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund.
Fid-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono appellat lill-pubbliku biex jattendi u b’hekk “ikun qed isaħħaħ il-karus tal-komunità, li hu l-Malta Community Chest Fund,” u li permezz tiegħu jingħata l-għajnuna lil kull min ikollu bżonn. Il-President żiedet li “t-tbatija ssejjaħlek biex ittaffiha.”
Il-President irringrazzjat lill-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta, li se jassistu f’din l-attività, kif ukoll lill-isponsors ewlenin Enemed, bil-kollaborazzjoni ta’ SportMalta taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Isport u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Din l-attività hi possibbli wkoll bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, is-Social Causes Fund, BNF Bank, Mapfre MSV Life, Visit Malta, Michele Peresso Limited, Motors Inc., Maypole, KPMG, General Soft Drinks, The Point Shopping Mall, Falcotrans, Paradise Bay Hotel, The Convenience Shop, u bl-appoġġ ta’ MZ Marketing, Magic 91.7FM u Ponder & Pitch.
Iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, is-Sinjura Sina Bugeja, ħeġġet lil dawk kollha li se jattendu biex jilbsu l-flokk tal-okkażjoni, biex tinħoloq mewġa ta’ persuni miġbura flimkien bl-għan li jgħinu lil dawk fil-bżonn.
Il-Ministru Clifton Grima ddeskriva din l-attività bħala ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni, volontarjat, għaqda, solidarjetà u ġenerożità, li huma l-akbar valuri tal-poplu Malti.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister David Agius fisser din l-attività sportiva bħala waħda li tgħaqqad lill-poplu, u appella biex kulħadd jattendi u b’hekk ikun qed jgħin lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund.
Is-Sur Kevin Chircop, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemed, tkellem dwar l-importanza tal-appoġġ tal-kumpaniji, flimkien mal-attendenza tal-pubbliku, biex il-Malta Community Chest Fund tkompli ssostni lil min jitlob l-għajnuna. Hu ħeġġeġ biex iktar kumpaniji jingħaqdu wara inizjattivi bħal dawn.
Dawk interessati li jattendu jagħmlu donazzjoni ta’ €10 b’risq il-Malta Community Chest Fund u jingħataw flokk tal-okkażjoni li jista’ jinġabar mill-Kunsilli Lokali kollha madwar Malta u Għawdex, l-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund, fil-Belt Valletta, u mingħand Eurosport.