The President of Malta

Search
Close this search box.

Palazz Verdala

Minn Dwejra tal-Kaċċa għal Residenza tas-Sajf

Il-Palazz Verdala huwa r-residenza tas-sajf tal-President tar-Repubblika ta’ Malta.

Il-Palazz inbena fl-1586 mill-Gran Mastru Hugues Loubenx de Verdalle (1582-1595) bħala dar tal-villeġġjatura fil-kampanja. Il-pjanijiet tfasslu mill-perit Malti Ġilormu Cassar (1520- c. 1592) li ħa l-ispirazzjoni u għamel riċerka dwar il-palazzi li kienu jixbhu l-kastelli Franċiżi ta’ dak iż-żmien. Il-legat ta’ Verdalle għadu ħaj fl-għażla tal-isem ta’ dan il-Palazz – Verdala.

Oriġinarjament, il-Palazz, li għandu forma kwadra, mibni mill-Gran Mastru Verdalle, kien struttura ta’ żewġ sulari bil-pjan terran aċċessibbli minn foss xott li parti minnu kienet maqtugħa fil-blat ta’ madwar il-binja. Erba’ torrijiet, wieħed f’kull kantuniera, jagħtu lill-Palazz id-dehra ta’ fortizza, ukoll frott ta’ riċerka fit-trattati arkitettoniċi Franċiżi ta’ dak iż-żmien. It-tielet sular żdied iktar tard, matul il-maġistratura tal-Gran Mastru António Manuel de Vilhena (1722-1736) li bena wkoll il-kwartieri tal-attendenti, stalel u djar tal-karrozzi li jiffurmaw il-perimetru tal-artijiet ewlenin quddiem il-Palazz.

Min żar dan il-post fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann iddeskrivieh bħala miksi bil-ħarir u b’għamara prezzjuża. Fil-fatt, il-post kien rikonoxxut, ġustament, bħala opra tal-arti fih innifsu, mibni biex jipprovdi esperjenza pjaċevoli u rilassanti lill-viżitaturi u r-residenti tiegħu. Kitba eżatt fuq id-daħla għas-sala prinċipali tgħid cedant curae loco – stedina letterali lill-viżitatur biex tħeġġu jintelaq u jħalli l-post jieħu ħsiebu.

Fis-seklu 18, jidher li l-Palazz Verdala waqa’ fi stat ta’ abbandun u iktar tard intuża bħala ħabs fi żmien il-Franċiżi. Il-Gvernatur Ingliż Sir Frederick Ponsonby (1827-1836) u, iktar tard, il-Gvernatur Sir William Reid (1851-1858) għamlu xogħlijiet ta’ restawr biex il-Palazz Verdala, għal darb’oħra, jintuża bħala residenza fil-kampanja. Il-Palazz sar wieħed mit-tliet siti assenjati lill-Uffiċċju tal-President meta Malta saret Repubblika fl-1974.

Il-Palazz Verdala fih ukoll opri tal-arti ta’ rilevanza artistika kbira. Biżżejjed li wieħed isemmi l-iskema dekorattiva tas-sala prinċipali li hija xogħol il-pittur tal-qorti stess ta’ Verdalle, il-pittur Toskan Filippo Paladini (1544-1614). Episodji mill-ħajja tal-Gran Mastru Verdalle huma mpinġija f’kull tarf tas-sala, li għandha s-saqaf bil-ħnejjiet nofs tond, b’allegoriji fuq kull naħa ta’ kull parti tas-saqaf. Il-kumpless tal-Palazz jinkludi wkoll kappella ddedikata lil Sant’Anton Abbati patronat b’mod estensiv mill-Gran Mastru Nicolás Cotoner (1663-1680). Il-pittura titulari tal-kappella saret mill-artist Taljan Mattia Preti, u tmur lura għas-snin bikrin tar-rilokazzjoni permanenti tiegħu f’Malta fis-snin 1660 meta l-artist kien qiegħed ipinġi l-pitturi mas-saqaf tal-korsija tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, li dak iż-żmien kien il-Knisja Konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Il-Palazz Verdala kien residenza għal Gran Mastri u Gvernaturi Ingliżi. Dan ospita persuni rjali u dinjitarji matul l-istorja tiegħu u laqa’ presidenti u kapijiet ta’ stat bħala mistednin ta’ Presidenti suċċessivi tar-Repubblika.

Skip to content