The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Tħabbru r-riżultati tal-istħarriġ xjentifiku dwar L-Istat tan-Nazzjon li sar mill-espert fl-istatistika u l-lettur fl-Università ta’ Malta, Dr Vincent Marmarà, u l-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, is-Sur Lou Bondi. L-istħarriġ sar minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna, rappreżentattiv tas-soċjetà kollha.

Is-Sur Lou Bondi fisser kif wara erba’ snin, qed ikun dejjem aktar possibbli li jitqabblu r-riżultati ma’ dawk tas-snin ta’ qabel u jaraw aħjar fejn sejjer il-pajjiż. Huwa fakkar li din is-sena s-sondaġġ sar waqt kampanja elettorali u l-konferenza qed issir ftit ġranet biss wara l-elezzjonijiet.

Waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ, Dr Marmarà fisser kif aktar kemm jgħaddi żmien, il-poplu anqas qiegħed iħoss li għandu bżonn ir-reliġjon u l-partiti biex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Huwa stqarr li “dan fl-istess waqt li rajna kemm is-sehem tal-familja huwa importanti għad-deċiżjonijiet li nieħdu, kif ukoll għall-problemi li naffaċċjaw. Jidher ċar li ċ-ċirku ta’ fiduċja li l-poplu kien jafda jew joqgħod fuqu qiegħed jiċkien, qiegħed jieħu inqas riskji f’min għandu jafda. Anke l-fiduċja f’dak li qiegħda tgħidlu l-midja qiegħed jonqos.”

Dr Marmarà spjega kif għal ħafna nies, il-bżonn u dak li jixtiequ mhumiex jaqblu. Qal li rriżulta li 35.2% jaħsbu li l-barranin mhumiex is-soluzzjoni, imma għall-poplu t-turiżmu huwa l-aktar settur importanti biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber. Settur li stqarr li huwa partikolarment dipendenti fuq il-barranin. Irrimarka wkoll li rriżulta li aktar nies qed iħossu li finanzjarjament huma aħjar, imma l-aspettattivi tagħhom qed jinbidlu.

Fil-ftuħ tal-konferenza nazzjonali, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fissret kif il-punt tat-tluq tal-Konferenza Nazzjonali erba’ snin ilu sewa biex minn sena għal oħra jiġi eżaminat x’tibdil jista’ jkun seħħ fl-għaġna tal-karattru Malti. Il-President qalet li l-iskop ta’ din il-konferenza huwa wieħed: li l-istħarriġ jipprovdi fonti ta’ informazzjoni li tista’ sservi ta’ gwida għal dawk l-istituzzjonijiet li għandhom missjoni fost il-poplu, mhux l-anqas il-partiti politiċi, formazzjonijiet politiċi oħra, setturi diversi li huma l-muturi tal-ekonomija nazzjonali.

“Studju intiż biex ikun ta’ gwida u referenza għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fost il-poplu, u partikolarment dawk li jaspiraw li jiggwidawh u jmexxuh f’diversi livelli ta’ tipi ta’ tmexxija”, temmet tgħid il-President

Skip to content