The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Diskors mill-President Myriam Spiteri Debono waqt is-serata ta’ Unuri tas-Servizz Pubbliku 2024

Onorevoli Prim Ministru,

Onorevoli Ministri

Membri Parlamentari,

Segretarju Permanenti Ewlieni, Is-Sur Tony Sultana

Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku

Sinjuri

Nixtieq nibda l-ewwelnett billi nuri s-sodisfazzjon tiegħi illi illum ninsab magħkom għall-ewwel darba, fl-irwol tiegħi bħala President ta’ Malta, f’din is-serata ta’ rikonoxximent għall-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku li jkunu qdew dmirhom  ħafna drabi ‘il fuq minn dak mistenni.

L-irwol li jaqdi s-Servizz Pubbliku huwa wieħed fundamentali u essenzjali sabiex pajjiżna jkompli jimxi ‘il quddiem. Is-Servizz Pubbliku jaqdi lill-pubbliku f’dak li jiġi bżonn matul il-fażijiet kollha tal-ħajja.

L-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għandhom dmir lejn il-poplu Malti biex jagħtu servizz ibbażat fuq il-valuri tal-governanza tajba, l-inklussività, ir-responsabbiltà soċjali, il-kooperazzjoni, it-teamwork, l-imparzjalità u l-lealtà.

L-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għandhom dejjem iżommu fuq quddiem dawn il-valuri tas-Servizz fl-operat tagħhom.

Il-kwalità tas-Servizz trid tkun ta’ livell għoli, professjonali u konsistenti.

Iċ-ċittadini għandhom jkunu mogħtija l-għajnuniet kollha biex jieħdu is-servizzi li għandhom bżonn u li bi dritt jkunu intitolati għalihom.

Is-Servizz Pubbliku għandu jkun ta’ eżempju ta’ kif wieħed għandu jaqdi lill-proxxmu; servizz li jara mhux biss li joffri servizzi ta’ kwalità, imma li amministrattivament, iħares l-obbligi li għandu lejn is-soċjetà.

Dan huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tas-Servizz Pubbliku; li jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies permezz tal-kwalità għolja tas-servizz li jingħata.

Ftit tal-ġimgħat ilu, kelli l-opportunità biex inżur l-EXPO tas-Servizz Pubbliku, li ġie mtella’ f’Ta’ Qali, bit-tema “Ħiliet”.

Kien pożittiv li numru kbir ta’ nies żaru l-EXPO għax huwa permezz ta’ avvenimenti bħal dawn kif ukoll il-promozzjonijiet li s-Servizz Pubbliku jagħmel minn żmien għal żmien illi ċ-ċittadini ikunu jistgħu verament japprezzaw l-irwol fundamentali tagħkom. L-Expo ħareġ b’mod tanġibbli illi s-servizzi offruti minnkom bħala uffiċjali pubbliċi mhumiex biss ta’ varjazzjoni wiesa’ iżda huma fuq kollox ta’ kwalità għolja ħafna.

Is-Servizz Pubbliku għandu wkoll jagħti l-eżempju u juri t-toroq ‘il quddiem billi jinżamm aġġornat skont żviluppi meħtieġa biex is-soċjetà tkun waħda aħjar. F’dan ir-rigward insemmi l-isforzi tas-Servizz Pubbliku biex jitnaqqas l-impatt negattiv illi s-servizz fil-qadi ta’ dmirijietu jista’ jkollu fuq l-ambjent. Insemmi hawnhekk proġetti bħall-investiment li sar fi flotta ta’ vetturi moderni u jnaqqsu t-tniġġiż, inizjattivi li jnaqqsu l-użu tal-karta mis-servizz, kif ukoll investiment fil-bini li jakkomoda lill-uffiċjali u ħaddiema oħra tas-servizz, dejjem bl-għan illi jkun hemm aktar sostenibbiltà f’oqsma bħall-enerġija u anke riżorsi oħra inkluż dawk illi is-sors tagħhom mhuwiex minn pajjiżna stess.  

Dan huwa kollu ta’ min ifaħħru filwaqt illi wieħed għandu wkoll japprezza l-isforzi tas-servizz li jipprovdi informazzjoni u servizzi online; iżda f’dan ir-rigward, m’għandniex ninsew lil dawk li jew ma jafux kif, jew ma jħossuhomx komdi li jutilizzaw dawn il-modi ta’ komunikazzjoni, u għalhekk jippreferu li jinqdew wiċċ imb wiċċ.

Is-sostenibbiltà huwa element bażiku li jrid jinżamm ‘il quddiem biex is-servizz ikun aktar effiċjenti u jaqdi aħjar il-bżonnijiet tal-pubbliku.

Is-Servizz Pubbliku huwa s-sinsla tat-tmexxija demokratika, wieħed mill-gwardjani tal-governanza tajba u huwa għalhekk illi l-uffiċjali pubbliċi jridu jkunu onesti, integri, u fuq kollox leali, lejn il-pajjiż u lejn il-poplu. Biss biss, l-importanza tiegħu toħroġ mill-fatt illi l-Kapitlu X tal-Kostituzzjoni ta’ Malta huwa ddedikat lis-Servizz Pubbliku.

Li sservi l-istat u l-poplu bħala uffiċjal pubbliku mhux dejjem ikun faċli, partikularment f’ċertu xogħol li jiffaċċjaw uffiċjali fil-gradi ta’ fuq tal-ġerarkija. Inżommu quddiem għajnejna illi s-Servizz Pubbliku huwa istituzzjoni perenni – ta’ dejjem, qiegħed hemm dejjem!

Il-politiċi m’għandhomx il-permanenza tal-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku: filfatt mhux darba jew tnejn ikun hemm min isejħilhom għasafar tal-passa; dan għaliex huwa s-Servizz Pubbliku li jipprovdi l-kontinwità tat-tmexxija minn amministrazzjoni għall-oħra.

Huwa għalhekk illi l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku jridu jkunu sodi, imparzjali, bl-ebda mod politikament partiġġjani, u bil-kuraġġ li jieqfu jekk ikun jidhrilhom illi t-toroq magħżula jew proposti mhumiex fl-interess tal-ġid nazzjonali, ta’ ġid għall-poplu u għal pajjiżna.

Għandi fiduċja fil-buon sens tagħkom: biex tilħqu u tissodisfaw l-obbligi tagħkom lejn l-istat u lejn il-poplu, irid ikun il-buon sens flimkien mal-kawtela, illi jmexxikom.

Nawgura illi s-Servizz Pubbliku jibqa’ jkun istituzzjoni ta’ ġieħ li tħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, mhux biss individwalment iżda wkoll kollettivament, kif dejjem fittex li jkun s’issa.

Nirringrazzjakom minn qalbi tax-xogħol tagħkom.

Skip to content