The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Diskors mill-President Myriam Spiteri Debono waqt l-inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni awdjo-viżiva dwar l-Imnarja

Onorevoli Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali
Onorevoli Segretarju Parlamentari,
Kollaboraturi li kkontribwejtu għal din il-wirja u wkoll għal attivitajiet oħra b’konnessjoni mal-festa tal-Imnarja
Mistidnin distinti,

Ilbieraħ filgħodu fil-Belt Valletta sar il-qari tal-Bandu biex iniedi l-attivitajiet marbuta mal-festa tal-Imnarja ta’ din is-sena. Il-Bandu l-ewwel ma jinqara huwa ħdejn il-bieb ewlieni tal-Imdina u mbagħad jinqara wkoll f’postijiet oħra ewlenin. Saret ukoll il-parata tradizzjonali bil-kostumi tal-epoka minn Triq ir-Repubblika sal-Palazz tal-Gran Mastru.

Il-programm tal-festa tal-Imnarja huwa mżewwaq b’ħafna avvenimenti illi huma riżultat ta’ ħidma mill-Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Heritage Malta, u wkoll il-Kumitat Festi Nazzjonali, b’mod partikolari s-Soċjetà Agrarja, u anke kkollaborat il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti. Nispera li ma ħallejt lil ħadd barra.

Jiena hawnhekk illejla ġejt inkarigata bil-ftuħ uffiċjali ta’ esibizzjoni awdjoviżwali mtellgħa mill-Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sajd, bil-kollaborazzjoni ma’ dawn li għadni kif semmejt. Min iżur din l-esibizzjoni jittieħed lura fiż-żmien b’materjal awdjoviżiv, sas-seklu l-ieħor u wkoll qabel.

Oltre dan, din l-esibizzjoni, mill-informazzjoni li ngħatajt, qiegħda wkoll tiffoka fuq ir-rabta li hemm bejn annimal partikolari u l-Imnarja. Naħseb ilkoll kemm intom indunajtu liema hu dan l-annimal, għaliex kull wieħed u waħda minna, speċjalment dawk tal-età tiegħi, żgur jiftakru n-nanniet jirrakkontaw illi l-ikel tradizzjonali marbut mal-Imnarja huwa ikliet bil-fenek. Tant hu hekk illi anke l-ikla li hemm organizzata għal wara l-ftuħ ta’ din l-esibizzjoni, bħala l-platt prinċipali tagħha għandha l-fenek, u l-platt hu maħdum fuq riċetta li taf l-oriġini tagħha fl-1894.

Għandu jingħad illi din l-ikla saret b’konsulta u ħidma mar-riċerkaturi ta’ Heritage Malta. Hawnhekk inħoss li rrid nagħmel osservazzjoni żgħira; nirreferi għall-istħarriġ l-Istat tan-Nazzjon li ġie ppubblikat din il-ġimgħa u saret diskussjoni fuqu tlett ijiem ilu. Waħda mill-mistoqsijiet li ġew mistoqsija l-parteċipanti fis-survey kienet tistaqsi x’kienet l-iktar ħaġa importanti għalihom fil-kultura Maltija; intalbu jikklassifikaw f’ordni ta’ preferenza minn 1 sa 5, il-festa tar-raħal, il-purċissjoni tal-Ġimgħa tal-Kbira, arti u mużika Maltija, il-Karnival u l-ikel tradizzjonali Malti. L-ikel tradizzjonali Malti ħareġ lejn in-nofs ta’ din il-klassifika.

Naħseb li hemm lok għal promozzjoni aktar qawwija fejn jidħol l-għarfien fuq l-ikel Malti; promozzjoni qawwija sabiex l-ikel Malti jiddaħħal bħala parti mill-menus tal-familji tagħna fejn ikun bażiku. Nirrikonoxxi bis-sħiħ illi saret promozzjoni tal-ikel Malti bil-ħidma tal-Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sajd f’dan ir-rigward, u dan jien missejtu b’idejja sew fl-Agrifair kif ukoll meta rajt l-istand li kellkom fl-Expo tas-Servizz Pubbliku.

Qed nenfasizza dan il-punt għaliex mal-apprezzament tal-ikel Malti hemm marbut ukoll l-iżvilupp u l-kontinwazzjoni tax-xogħol tal-bidwi, tar-raħħal u tas-sajjied Malti. Apparti hekk, id-dieta tradizzjonali tagħna tgħin mhux ftit biex il-poplu Malti jkollu nutrizzjoni tajba u li tagħtih is-saħħa; forsi ma nibqgħux magħrufa bħala l-aktar pajjiż fl-Ewropa li fih tirrenja l-obeżità!

Inħeġġeġ lill-familji Maltin, partikolarment dawk li għad għandhom it-tfal żgħar, sabiex lil uliedhom jeħoduhom f’dawn l-attivitajiet, ħalli jesponuhom għall-kultura u t-tradizzjonijiet għonja li għandu pajjiżna; tradizzjonijiet li jiddistingwuna minn ġnus oħra. U rridu nkunu aħna li nieħdu ħsieb li aħna, għalkemm ġens żgħir, il-karatteristiċi tagħna nindukrawhom.

Qabel ma niddikjara din l-esibizzjoni miftuħa, nixtieq b’mod partikolari nirrikonoxxi l-ħidma tal-Ministeru u d-Dipartimenti tal-Agrikoltura u s-Sajd, u nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li kkontribwew u kkoperaw biex dawn it-tmint ijiem ta’ attivitajiet, li bdew ilbieraħ u jispiċċaw is-Sibt li ġej, ikunu suċċess u nittama li jkunu ħafna n-nies li jiffrekwentawhom.  

Nirringrazzjakom.


Skip to content