The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Diskors mill-President Myriam Spiteri Debono waqt l-għeluq tal-Konferenza Nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ 2024

20 ta’ Ġunju, 2024

Nirringrazzjakom talli qattajtu dan il-ħin kollu hawnhekk magħna flimkien ma’ Dr Vince Marmarà u mas-Sur Lou Bondi li vera għamlu biċċa xogħol illi stajna naraw – kull min jinteressa ruħu mill-andament tal-pajjiż, fejn il-pajjiż ikun sejjer u jagħmel widintu mal-art u jisma’ lin-nies – illi kienet veru biċċa xogħol ġenwina għax biha kkonfermajna ħafna minn dak illi xħin niltaqgħu man-nies nisimgħu u nħossu. U nirringrazzjahom.

L-istħarriġ daħal fl-aspetti varji li jolqtu l-ħajja tan-nies: fid-drittijiet; fil-livell tal-għajxien; l-aspettattivi li ċ-ċittadini għandhom mix-xogħol u l-karrieri tagħhom; deċiżjonijiet, anke deċiżjonijiet personali li jieħu l-individwu; twemmin u reliġjon; in-nazzjon u l-lingwa; il-politika; kif nikkomunikaw; kunċetti bħal ġustizzja, ugwaljanza, solidarjetà, libertà; lil min nafdaw; multikulturaliżmu.

Mill-istħarriġ ħareġ b’mod ġenerali illi hemm diverġenza bejn kif etajiet differenti jħarsu lejn l-aspetti differenti tal-ħajja u wkoll il-livelli soċjali u ekonomiċi ta’ min ipparteċipa fl-istħarriġ.

Irriżulta illi l-familja għad għandha rilevanza kbira u wkoll għadhom f’saħħithom l-għeruq li wieħed iħoss mal-lokalità fejn twieled u trabba. Dan deher sewwa fil-fatt mir-riżultat tal-istħarriġ illi meta ssemmew diversi tradizzjonijiet nazzjonali, l-iktar waħda li ħarġet li hija ta’ importanza għal min wieġeb il-mistoqsija kienet il-festa tar-raħal, u l-Ġimgħa l-Kbira kienet lejn in-nofs, u l-Karnival isfel nett.

Ir-rispett, il-valuri tal-ġustizzja, l-ugwaljanza, solidarjetà u libertà, mill-istħarriġ ħareġ li għad hemm iktar enfasi u jiġu mgħallma fil-familji. Fil-fatt qisu deher illi dan qiegħed more or less 75/25%, li forsi rridu naraw illi fl-iskejjel tagħna nitfgħu naqra iktar enfasi fuq dak li hu soċjal, dak li hu, biex ngħid hekk, fejn jidħol żvilupp ta’ ħsieb anke filosofiku. U xħin ngħid hekk ma jfissirx li qed ngħid xi akkademja, għaliex aħna kellna wieħed mill-aqwa studjużi, il-Professur Edward Debono, illi b’xogħol varju tiegħu wera illi hemm metodi biex aħna anke ngħallmu x-xjenza tal-ħsieb.

Barra minn dan imma nħoss illi dawn il-kunċetti li għadni kif semmejt – ġustizzja, ugwaljanza, solidarjetà u libertà – dawn għandhom tifsiriet differenti. Mhux kulħadd għandu l-istess tifsira tagħhom u forsi f’dan it-tip ta’ stħarriġ dawn it-tifsiriet differenti ma joħorġux biżżejjed. Kultant, ippermettuli, kważi lanqas tħosshom tifsiriet differenti.

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-mod kif wieħed jiġbor it-tagħrif u l-informazzjoni mir-riżultat deher illi rrifletta l-avvanz teknoloġiku li qegħdin ngħixu bih.

Il-parti li tittratta l-politika, partikolarment li b’mod ġenerali rriżulta illi terz tal-popolazzjoni ma jimpurtahomx jew jimpurtahom ftit li xejn mill-politika, għandna ngħidu u nammettu llum, ħmistax wara l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, illi dak li qal l-istħarriġ ġie rifless fl-astensjonijiet li kien hemm fl-elezzjonijiet li saru ħmistax ilu.

Hawn ukoll meta wieħed iqabbel ir-reazzjonijiet li kien hemm għar-riżultati, l-istħarriġ iġiegħlek tieqaf, taħseb u tistaqsi: “X’qiegħed jingħad?” Dawn l-astensjonijiet qed jgħidu li ma jimpurtahomx mill-politika? Jekk ma jimpurtanix, jew m’għadux jimpurtani, x’wassal għal dan? U dan il-punt jiena ngħid li jinkwetani u jinkwetani ħafna. Jinkwetani għaliex iċ-ċokon stess ta’ pajjiżna għandna kollox katina u nemmen li ebda ċittadin ma jista’ jabdika mid-dover li għandu lejn il-kollettività taċ-ċittadini kollha f’daqqa u jieħu interess u fejn jara li l-affarijiet ma jkunux mexjin sewwa, jirrakkomanda u jaġixxi. Forsi f’pajjiż ikbar ħafna minn tagħna din tintilef, ikun hemm dik li ngħidulha “dilution”, għaliex jaf ikollok ċrieki illi jaħdmu relattivament waħedhom u ma jiddependux daqshekk mill-Gvern tal-ġurnata u mill-politika. Għalhekk naraha inkwetanti illi jkollna nies f’pajjiżna, kważi terz tan-nies, illi ma jimpurtahomx.

Hemm in-nuqqas l-iktar li jidher, ukoll minn ċerta mistoqsijiet, huwa kbir fost iż-żgħażagħ. U allura, għalkemm l-età tal-vot tniżżlet għal sittax-il sena u għall-grazzja t’Alla rajna xi żgħażagħ li ġew fuq quddiem, xorta b’dan, qed nagħtuhom ċavetta li minn żgħar jibdew jipparteċipaw, għadna ma lħaqnihomx? X’nistgħu ngħidu, li t-terz li ma vvutawx jew li juru li ma jimpurtahomx mhumiex sodisfatti biż-żewġ partiti l-kbar?

Dawn qegħdin ifittxu knisja jew knejjes ġodda? Iż-żgħażagħ b’mod partikolari kif iħossuhom dwar dan? Qed ikun hemm sinerġija biżżejjed bejn il-poplu u l-politika? U jekk hemm vojt għax hemm min mhux qed jidentifika mal-istrutturi li għandna, preparati illi naraw illi lil kulħadd nippruvaw nagħtu vuċi, anke jekk dan ikun jirrikjedi li nagħmlu tibdiliet fl-ogħla liġi tal-pajjiż?

Kien hemm ukoll mistoqsijiet fuq il-multikulturaliżmu. Jien nistaqsi, u nerġa’ ngħidilkom tippermettuli, Vince u Lou, naħseb waħda mill-mistoqsijiet f’din is-sezzjoni kellha tkun illi lil min hu Malti tistaqsuh jekk huwiex lest li dawk ix-xogħlijiet li aħna qed induru fuq l-għajnuna u l-preżenza tal-barranin biex isiru, il-Maltin humiex lesti jagħmluhom. Naħseb li importanti li ssir point-blank din il-mistoqsija, speċjalment lil dawk fostna li qed jarawhom żejda. Għaliex? Għaliex dawn għadhom ma fehmu xejn. Għadhom ma fehmux li jekk aħna f’pajjiżna hemm ċerta affluwenza li ġiet mill-ftuħ fl-edukazzjoni għall-poplu u għal ulied il-ħaddiem minn gvernijiet diversi, jekk aħna f’pajjiżna kien hemm anke l-input tal-unions u ċerta pagi għolew u t-tfal tagħna allura mhumiex qed iħarsu lejn ċerta setturi li għad ma jagħtuhomx ċertu livell tal-ħajja, dawn imma jekk l-ekonomija pprovdiet ix-xogħol u pprovdiet ċerta tip ta’ xogħol li wliedna llum iħossu li huwa below them – għax dik il-verità, u mhux qed ngħid dan b’xi mod ta’ snobbiżmu, ir-realtà tal-fatti – dawn imma jippretendu illi dan ix-xogħol jibqa’ jsir. U minn min irid isir jekk it-tfal tagħna llum avvanzaw ħafna iktar ’il quddiem minn dawk it-tip ta’ xogħlijiet?

L-istħarriġ jagħtik risposti, imma jiena rajtu illi jġiegħlek tagħmel ħafna mistoqsijiet li trid tara u tfittex mill-ġdid ir-risposta għalihom. Jiftħilna għajnejja, veru, għal xenarju nazzjonali li minn sena għal sena, tul dawn l-erba’ snin, anke b’ċerta ċaqliqiet li kienu żgħar, uriena illi dan il-ħin kollu qed jinbidel.

Jiena nirringrazzja, l-ewwel nett, lil Lou u lil Vince ta’ din il-biċċa xogħol li wettqu, u nispera illi din il-biċċa xogħol, dan l-istħarriġ ikun utli anke fis-sens illi lil min jaspira li jmexxi u lil dawk li jmexxu – mhux il-Gvern u l-Oppożizzjoni biss, f’ħafna luogi mit-tmexxija, kullimkien – lil dawn ikun ta’ assistenza għalihom biex jifhmu aħjar lil dawk ta’ madwarhom u li jkunu qegħdin fil-kura u l-kustodja tagħhom. Għax il-ħaddiem, ejja ngħidu, is-sid għandu kura u kustodja tal-ħaddiem, u l-ħaddiem jagħti l-biċċa tiegħu billi s-siegħa tax-xogħol jagħtiha u jagħtiha b’dedikazzjoni.

Nirringrazzjakom ħafna tal-parteċipazzjoni.

Skip to content