Għal darb’oħra din is-sena qed ningħaqad magħkom għal edizzjoni oħra tal-ERA Awards, organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ġabet magħha format imġedded, b’diversi kategoriji ġodda li jkomplu jsaħħu l-għarfien u r-rikonoxximent lejn dawk li, b’dedikazzjoni u viżjoni, qed jagħtu kontribut sinifikanti ħafna fil-qasam ambjentali.
Il-kategoriji ta’ din is-sena raw li jilħqu l-oqsma kollha fis-soċjetà Maltija u jirrikonoxxu lil dawk li għamlu differenza fis-settur pubbliku u dak privat, u fl-oqsma volontarju u akkademiċi.
Dawn ir-rikonoxximenti jservu bħala prova li l-ħidma mhux qed tħares biss lejn il-preżent, iżda qed tħejji l-pedamenti għal ġenerazzjonijiet futuri li jixirqilhom ambjent aħjar fejn ikun ikun hemm iktar ħsieb għas-saħħa, ikollna iktar indafa u jkollna ambjent li jżid is-serenità fil-ħajja ta’ kuljum.
Filwaqt li serata bħal din isservi biex nestendu dan l- apprezzament lejn dawn il-kontributuri b’risq l-ambjent ta’ madwarna, ma nistgħux ma nirriflettux ukoll fuq il-bidliet ambjentali u l-impatt li dawn qed ikollhom fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħna.
Kulma jmur, qed nindunaw kemm id-dinja qed tinbidel, u daqstant ieħor qed jinbidlu l-elementi klimatiċi li jassiguraw bilanċ fl-ekosistemi tal-pjaneta, filwaqt li jinfluenzaw b’mod dirett lis-soċjetajiet u s-saħħa mentali u fiżika tas-soċjetà.
F’Malta, dan l-impatt qed jinħass ukoll. Skont rapport riċenti mill-Energy and Water Agency, Malta ġiet uffiċjalment klassifikata bħala reġjun b’kundizzjonijiet klimatiċi aridi matul l-2023-2024. Il-livelli ta’ xita naqsu b’mod allarmanti, u dan qed jaffettwa direttament il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-agrikoltura, u l-bijodiversità. Ir-rapport jappella għal diversifikazzjoni tas-sorsi tal-ilma u l-użu ta’ riżorsi mhux konvenzjonali bħall-ilma trattat għall-irrigazzjoni.
Apparti dawn l-elementi klimatiċi, li jolqtu u jaffettwaw lil kumplament tad-dinja, f’Malta qed tkompli tinħass il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet vijabbli u sostenibbli għall-problemi endemiċi relatati mal-ambjent tagħna.
F’dan il-kuntest, meta nirreferu għal ‘ambjent’ inkunu qed nirreferu kemm għal dak naturali li jestendi sal-ibħra li jdawruna u l-ispazji naturali li jħaddru l-kampanja Maltija, iżda wkoll lill-ambjent urban, li jsawwar l-identità tal-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin.
Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kull bidla tinħass b’mod qawwi ħafna.
Tul l-aħħar snin, esperjenzajna bidliet ekonomiċi li, minkejja l-benefiċċji tagħhom, f’ċerti livelli ġew perċepiti li naqsu lill-ambjent tagħna.
Iż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni, domanda dejjem tikber għall-propjetà, it-tniġġis tal-arja u tal-baħar, u l-aċċess għal spazji ħodor u miftuħa dejjem jonqos.
Kelli bosta okkażjonijiet fejn esprimejt l-importanza li nużaw is-sostenibbilità bħala l-qafas tal-l-isforzi tagħna biex intejbu l-kundizzjonijiet ambjentali ta’ madwarna.
Ma’ dan inżid ukoll l-importanza li nfittxu il-bilanċ – element importanti biex inkomplu niżviluppaw bħala nazzjon progressiv billi nippreservaw dak li diġà għandna, mhux innaqqsu mill-ftit li baqalna.
Dan il-bilanċ m’għandux ikun biss retoriku, iżda wieħed li jiġi ppjanat, mill-viżjoni li jkollna u mwettaq b’politika konkreta, b’deċiżjonijiet infurmati u b’parteċipazzjoni attiva minn kull settur fis-soċjetà.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, rajna diskussjoni pubblika intensiva dwar l-emendi proposti fil-liġi tal-ippjanar. Innutajna wkoll kif f’dawn l-aħħar jiem, kien hemm punti kritiċi u li qajmu ħafna diskussjoni. Dawk li jiddeċiedu, il-Gvern tal-ġurnata, qed jisimgħu. Għandna l-vizzju li għax ikun hemm min ikkritika u ppropona, u dak li ġie propost, jiġi implimentat, nitgħajjru bil-u-turns.
Jekk nemmnu fid-demokrazija, ma nistgħux nemmnu f’forma ta’ demokrazija antikwata, għax id-demokrazija bħal kull ħaġa f’kull soċjetà dejjem tevolvi, fejn il-poplu jesprimi ruħu biss darba kull ħames snin. Id-demokrazija, u hekk qed tevolvi u nieħu gost naraha tevolvi b’dan il-mod, trid tevolvi b’tali mod li jkun hemm parteċipazzjoni attiva u kontinwa.
Min ikun qed imexxi juri li hu responsabbli jekk jagħti każ din il-parteċipazzjoni, għax b’hekk biss il-vuċi tal-poplu tibda tasal minn elezzjoni għal oħra. Dan għandna ninkoraġġuh bħala parti mis-sinsla demokratika ta’ pajjiżna, minn piramida li minn isfel titla’ ‘l fuq u min hu hemm fuq għandu jerġa’ jisma’ ‘lil min hu hemm isfel dwar xi jwettaq.
Nispera li min hu hawn, ta’ eta’ iżjed minni, jirrifletti fuqha, u min għandu kuntatt mat-tfal tagħna, nemmen li fl-iskejjel dan l-apprezzament tal-valur ta’ kull wieħed u waħda minnhom, li għandhom moħħ u hemm min jismagħhom, għandna ngħallmuhulhom, jekk vera rridu pajjiż fejn kulħadd iħossu parti minn kollox.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].