President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza ċ-ċerimonja tal-ERA Awards

Għal darb’oħra din is-sena qed ningħaqad magħkom għal edizzjoni oħra tal-ERA Awards, organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ġabet magħha  format imġedded, b’diversi kategoriji ġodda li jkomplu jsaħħu l-għarfien u r-rikonoxximent lejn dawk li, b’dedikazzjoni u viżjoni, qed jagħtu kontribut sinifikanti ħafna fil-qasam ambjentali. 

Il-kategoriji ta’ din is-sena raw li jilħqu l-oqsma kollha fis-soċjetà Maltija u jirrikonoxxu lil dawk li għamlu differenza fis-settur pubbliku u dak privat, u fl-oqsma volontarju u akkademiċi. 

Dawn ir-rikonoxximenti jservu bħala prova li l-ħidma mhux qed tħares biss lejn il-preżent, iżda qed tħejji l-pedamenti għal ġenerazzjonijiet futuri li jixirqilhom ambjent aħjar fejn ikun ikun hemm iktar ħsieb għas-saħħa, ikollna iktar indafa u jkollna ambjent li jżid is-serenità fil-ħajja ta’ kuljum.

Filwaqt li serata bħal din isservi biex nestendu dan l- apprezzament lejn dawn il-kontributuri b’risq l-ambjent ta’ madwarna, ma nistgħux ma nirriflettux ukoll fuq il-bidliet ambjentali u l-impatt li dawn qed ikollhom fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħna.

Kulma jmur, qed nindunaw kemm id-dinja qed tinbidel, u daqstant ieħor qed jinbidlu l-elementi klimatiċi li jassiguraw bilanċ fl-ekosistemi tal-pjaneta, filwaqt li jinfluenzaw b’mod dirett lis-soċjetajiet u s-saħħa mentali u fiżika tas-soċjetà.

F’Malta, dan l-impatt qed jinħass ukoll. Skont rapport riċenti mill-Energy and Water Agency, Malta ġiet uffiċjalment klassifikata bħala reġjun b’kundizzjonijiet klimatiċi aridi matul l-2023-2024. Il-livelli ta’ xita naqsu b’mod allarmanti, u dan qed jaffettwa direttament il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-agrikoltura, u l-bijodiversità. Ir-rapport jappella għal diversifikazzjoni tas-sorsi tal-ilma u l-użu ta’ riżorsi mhux konvenzjonali bħall-ilma trattat għall-irrigazzjoni.

Apparti dawn l-elementi klimatiċi, li jolqtu u jaffettwaw lil kumplament tad-dinja, f’Malta qed tkompli tinħass il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet vijabbli u sostenibbli għall-problemi endemiċi relatati mal-ambjent tagħna. 

F’dan il-kuntest, meta nirreferu għal ‘ambjent’ inkunu qed nirreferu kemm għal dak naturali li jestendi sal-ibħra li jdawruna u l-ispazji naturali li jħaddru l-kampanja Maltija, iżda wkoll lill-ambjent urban, li jsawwar l-identità tal-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin. 

Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kull bidla tinħass b’mod qawwi ħafna.

Tul l-aħħar snin, esperjenzajna bidliet ekonomiċi li, minkejja l-benefiċċji tagħhom, f’ċerti livelli ġew perċepiti li naqsu lill-ambjent tagħna. 

Iż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni, domanda dejjem tikber għall-propjetà, it-tniġġis tal-arja u tal-baħar, u l-aċċess għal spazji ħodor u miftuħa dejjem jonqos.

Kelli bosta okkażjonijiet fejn esprimejt l-importanza li nużaw is-sostenibbilità bħala l-qafas tal-l-isforzi tagħna biex intejbu l-kundizzjonijiet ambjentali ta’ madwarna.

Ma’ dan inżid ukoll l-importanza li nfittxu il-bilanċ – element importanti biex inkomplu niżviluppaw bħala nazzjon progressiv billi nippreservaw dak li diġà għandna, mhux innaqqsu mill-ftit li baqalna. 

Dan il-bilanċ m’għandux ikun biss retoriku, iżda wieħed li jiġi ppjanat, mill-viżjoni li jkollna u mwettaq b’politika konkreta, b’deċiżjonijiet infurmati u b’parteċipazzjoni attiva minn kull settur fis-soċjetà. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat, rajna diskussjoni pubblika intensiva dwar l-emendi proposti fil-liġi tal-ippjanar. Innutajna wkoll kif f’dawn l-aħħar jiem, kien hemm punti kritiċi u li qajmu ħafna diskussjoni. Dawk li jiddeċiedu, il-Gvern tal-ġurnata, qed jisimgħu. Għandna l-vizzju li għax ikun hemm min ikkritika u ppropona, u dak li ġie propost, jiġi implimentat, nitgħajjru bil-u-turns.

Jekk nemmnu fid-demokrazija, ma nistgħux nemmnu f’forma ta’ demokrazija antikwata, għax id-demokrazija bħal kull ħaġa f’kull soċjetà dejjem tevolvi, fejn il-poplu jesprimi ruħu biss darba kull ħames snin. Id-demokrazija, u hekk qed tevolvi u nieħu gost naraha tevolvi b’dan il-mod, trid tevolvi b’tali mod li jkun hemm parteċipazzjoni attiva u kontinwa.  

Min ikun qed imexxi juri li hu responsabbli jekk jagħti każ din il-parteċipazzjoni, għax b’hekk biss il-vuċi tal-poplu tibda tasal minn elezzjoni għal oħra. Dan għandna ninkoraġġuh bħala parti mis-sinsla demokratika ta’ pajjiżna, minn piramida li minn isfel titla’ ‘l fuq u min hu hemm fuq għandu jerġa’ jisma’ ‘lil min hu hemm isfel dwar xi jwettaq.

Nispera li min hu hawn, ta’ eta’ iżjed minni, jirrifletti fuqha, u min għandu kuntatt mat-tfal tagħna, nemmen li fl-iskejjel dan l-apprezzament tal-valur ta’ kull wieħed u waħda minnhom, li għandhom moħħ u hemm min jismagħhom, għandna ngħallmuhulhom, jekk vera rridu pajjiż fejn kulħadd iħossu parti minn kollox.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].  

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.