Iltqajna hawn illejla biex flimkien niċċelebraw Jum il-Kottonera, avveniment imtella’ mill-Fondazzjoni Kottonera.
Is-serata tal-lejla wkoll tagħtina l-opportunità nirriflettu fuq il-passat, il-preżent u l-futur ta’ din iż-żona ta’ importanza nazzjonali kbira.
Il-Fondazzjoni Kottonera, li twaqqfet sabiex tgħin fil-proċess ta’ riġenerazzjoni ta’ din iż-żona, għandha wkoll il-missjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha li jgħixu u jaħdmu f’dawn il-lokalitajiet, waqt li tħares u tqanqal mill-ġdid l-interess fil-wirt storiku, soċjali u kulturali ta’ dan ir-reġjun.
Ninnota b’sodisfazzjon li wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Fondazzjoni huwa li tinħoloq riġenerazzjoni, mhux biss titjib fl-infrastruttura, iżda wkoll ir-restawr u ħarsien tal-identità storika li tagħmel lil din il-parti ta’ pajjiżna unika.
Il-Kottonera hija magħmula minn erba’ lokalitajiet ewlenin: Il-Birgu u l-Isla, mibnija fuq żewġ peniżoli li jisporġu fil-Port il-Kbir; Bormla, li tinsab f’nofs dawn iż-żewġ ibliet u fil-qalba tal-fortifikazzjonijiet maestużi tal-Kottonera u ta’ Santa Margerita; u l-Kalkara, li tinsab fit-tramuntana u għandha l-akbar territorju mill-erba’ lokalitajiet.
Ilkoll nafu li meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu f’Malta u l-belt kapitali kienet l-Imdina, biex ikunu eqreb lejn il-baħar u l-port, huma ppreferew l-Birgu. Kien mill-Birgu illi huma ċċentraw il-ħidma tagħhom ta’ mexxejja tal-gżejjer tagħna, iżda wkoll b’mod partikulari il-ħidma marittima tagħhom
Matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, Bormla, il-Birgu u l-Isla kienu l-qalba tad-difiża tal-poplu Malti, u kien grazzi mhux biss għall-post strateġiku tagħhom, imma wkoll għall-kuraġġ u l-perseveranza tal-abitanti li għen biex pajjiżna rnexxielu jirbaħ din il-battalja storika.
Il-Kavallieri, bħala rikonoxximent ta’ dan ir-rwol, taw titlu ta’ belt lil kull waħda mit-tliet lokalitajiet: Bormla saret Città Cospicua, Il-Birgu saret Città Vittoriosa, u l-Isla ġiet imsejħa Città Invicta.
Fit-tieni gwerra dinjija imbagħad, il-lokalitajiet tal-Kottonera kienu kontinwament ibbumbardjati mill-għadu b’tali mod li twaqqa’ ħafna mill-bini, in-nies kellhom ifittxu r-refuġju l-barra mis-swar – għand ħbieb, familjari u nies oħra li fis-siegħa tal-bżonn fetħu l-bibien ta’ djarhom – saħansitra l-Kunċizzjoni kienet refuġjata għand Santa Liena!
Din in-naħa ta’ Malta ġarrbet l-agħar fl-assedji, illi għadda minnhom pajjiżna. Dan kien ifisser effetti iebsa fuq il-popolazzjoni, għalkemm il-qlubija u r-reżistenza tal-Maltin mhux dejjem kienu rikonoxxuti minn min jikteb l-istorja.
Dawn l-effetti baqgħu jinħassu snin u lkoll kemm aħna nafu u nammettu illi għal snin twal dan ir-reġjun sofra minn deġenerazzjoni li biex iddur ir-rotta, kellha bżonn interventi qawwija mill-awtoritajiet.
B’riżultat ta’ dawn l-isforzi, illum nistgħu ninnotaw progress, kummerċ, opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, apprezzament tal-kultura, l-istorja u l-wirt arkitettoniku, li jinħass. U eżempju wieħed se nagħti – kif illum il-bini f’dawn l-inħawi il-valur tiegħu għola ‘l fuq,
Jidher li l-exodus li għal xi żmien rajna, waqaf. U l-progress li sar qed jerġa’ jrawwem ġenerazzjonijiet li jfakkruk fin-nies kbar u ta’ stoffa minn dawn l-inħawi li sawwru l-istorja ta’ pajjiżna partikularment dik politika riċenti.
F’dan kollu ma nkunx ġusta, jekk apparti l-isforzi tal-Gvernijiet suċċessivi bi pjani strateġiċi iffokati, li rajna jiffjorixxu f’dawn l-aħħar snin, ma nsemmix il-kontribut tal-Kunsilli Lokali, li kienu forza ta’ ispirazzjoni, għaqda u żergħu fost il-popolazzjoni fiorizza mill-ġdid li huma mnissla minn dawn l-inħawi.
Kulħadd, bil-mod tiegħu, qed jgħin sabiex il-wirt ta’ dawn il-lokalitajiet ma jintilifx, iżda jiġi msaħħaħ u jitwassal lil ġenerazzjonijiet ġodda.
Il-messaġġ tiegħi hu wieħed: irridu nibqgħu naħdmu sabiex il-Kottonera tkompli tagħti opportunitajiet konkreti lir-residenti ħalli l-isfidi li kull żmien iġib miegħu ikunu megħluba.
Inħeġġiġkom biex il-karattru uniku ta’ dawn l-inħawi tħarsuh. Żgur illi ma nistax nagħlaq dan l-indirizz qasir tiegħi mingħajr ma nħeġġiġkom tgħożżu u tindukraw it-tradizzjonijiet marbuta mal-baħar, is-sengħa antika tal-bini tal-inġenji tal-baħar, it-tradizzjoni tar-Regatta, illi fil-gżejjer tagħna imdawrin bil-baħar hija marbuta b’mod partikolari mal-Port il-Kbir u għandha l-benniena tagħha fit-Tlieta Ibliet u fil-Kalkara.
Tridu tkunu intom biex tħarsu dan il-wirt u taraw li jibqa’ ħaj billi tinkoraġixxu liż-żgħażagħ biex jitħarrġu fis-snajja’ u jkunu wkoll lesti li jivvolontarjaw ħinhom biex ma jintilef xejn minn dan kollu.
Għalhekk, lil kull min qiegħed hawn, nitlobkom tagħtu ħin, enerġija u impenn għall-ġid komuni tal-Kottonera.
Nifraħ lis-Sur Charles Coleiro tar-rikonoxximent mistħoqq li ngħata llejla għall-ħidma tiegħu biex jgħolli ‘l fuq dak kollu li hu Malti.
Fuq kollox inrodd ħajr lejn il-Fondazzjoni Kottonera mmexxija miċ-Chairperson tagħha Joe Mizzi, persuna li ħajtu kollha ddedika għas-servizz tan-nies ta’ dawn l-inħawi u nawgura li l-Fondazzjoni Kottonera tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għall-aħjar ġid ta’ dan ir-reġjun.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].