President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-President fl-okkażjoni ta’ Ġieħ il-Kottonera

Iltqajna hawn illejla biex flimkien niċċelebraw Jum il-Kottonera, avveniment imtella’ mill-Fondazzjoni Kottonera.

Is-serata tal-lejla wkoll tagħtina l-opportunità nirriflettu fuq il-passat, il-preżent u l-futur ta’ din iż-żona ta’ importanza nazzjonali kbira.

Il-Fondazzjoni Kottonera, li twaqqfet sabiex tgħin fil-proċess ta’ riġenerazzjoni ta’ din iż-żona, għandha wkoll il-missjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha li jgħixu u jaħdmu f’dawn il-lokalitajiet, waqt li tħares u tqanqal mill-ġdid l-interess fil-wirt storiku, soċjali u kulturali ta’ dan ir-reġjun.

Ninnota b’sodisfazzjon li wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Fondazzjoni huwa li tinħoloq riġenerazzjoni, mhux biss titjib fl-infrastruttura, iżda wkoll ir-restawr u ħarsien tal-identità storika li tagħmel lil din il-parti ta’ pajjiżna unika.

Il-Kottonera hija magħmula minn erba’ lokalitajiet ewlenin: Il-Birgu u l-Isla, mibnija fuq żewġ peniżoli li jisporġu fil-Port il-Kbir; Bormla, li tinsab f’nofs dawn iż-żewġ ibliet u fil-qalba tal-fortifikazzjonijiet maestużi tal-Kottonera u ta’ Santa Margerita; u l-Kalkara, li tinsab fit-tramuntana u għandha l-akbar territorju mill-erba’ lokalitajiet.

Ilkoll nafu li meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu f’Malta u l-belt kapitali kienet l-Imdina, biex ikunu eqreb lejn il-baħar u l-port, huma ppreferew l-Birgu. Kien mill-Birgu illi huma ċċentraw il-ħidma tagħhom ta’ mexxejja tal-gżejjer tagħna, iżda wkoll b’mod partikulari il-ħidma marittima tagħhom

Matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, Bormla, il-Birgu u l-Isla kienu l-qalba tad-difiża tal-poplu Malti, u kien grazzi mhux biss għall-post strateġiku tagħhom, imma wkoll għall-kuraġġ u l-perseveranza tal-abitanti li għen biex pajjiżna rnexxielu jirbaħ din il-battalja storika.

Il-Kavallieri, bħala rikonoxximent ta’ dan ir-rwol, taw titlu ta’ belt lil kull waħda mit-tliet lokalitajiet: Bormla saret Città Cospicua, Il-Birgu saret Città Vittoriosa, u l-Isla ġiet imsejħa Città Invicta.

Fit-tieni gwerra dinjija imbagħad, il-lokalitajiet tal-Kottonera kienu kontinwament ibbumbardjati mill-għadu b’tali mod li twaqqa’ ħafna mill-bini, in-nies kellhom ifittxu r-refuġju l-barra mis-swar – għand ħbieb, familjari u nies oħra li fis-siegħa tal-bżonn fetħu l-bibien ta’ djarhom – saħansitra l-Kunċizzjoni kienet refuġjata għand Santa Liena!

Din in-naħa ta’ Malta ġarrbet l-agħar fl-assedji, illi għadda minnhom pajjiżna. Dan kien ifisser effetti iebsa fuq il-popolazzjoni, għalkemm il-qlubija u r-reżistenza tal-Maltin mhux dejjem kienu rikonoxxuti minn min jikteb l-istorja.

Dawn l-effetti baqgħu jinħassu snin u lkoll kemm aħna nafu u nammettu illi għal snin twal dan ir-reġjun sofra minn deġenerazzjoni li biex iddur ir-rotta, kellha bżonn interventi qawwija mill-awtoritajiet.

B’riżultat ta’ dawn l-isforzi, illum nistgħu ninnotaw progress, kummerċ, opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, apprezzament tal-kultura, l-istorja u l-wirt arkitettoniku, li jinħass. U eżempju wieħed se nagħti – kif illum il-bini f’dawn l-inħawi il-valur tiegħu għola ‘l fuq,

Jidher li l-exodus  li għal xi żmien rajna, waqaf. U l-progress li sar qed jerġa’ jrawwem ġenerazzjonijiet li jfakkruk fin-nies kbar u ta’ stoffa minn dawn l-inħawi  li sawwru l-istorja ta’ pajjiżna partikularment dik  politika riċenti.

F’dan kollu ma nkunx ġusta, jekk apparti l-isforzi tal-Gvernijiet suċċessivi bi pjani strateġiċi iffokati, li rajna jiffjorixxu f’dawn l-aħħar snin, ma nsemmix il-kontribut tal-Kunsilli Lokali, li kienu forza ta’ ispirazzjoni, għaqda u żergħu fost il-popolazzjoni fiorizza  mill-ġdid li huma mnissla minn dawn l-inħawi.

Kulħadd, bil-mod tiegħu, qed jgħin sabiex il-wirt ta’ dawn il-lokalitajiet ma jintilifx, iżda jiġi msaħħaħ u jitwassal lil ġenerazzjonijiet ġodda.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed: irridu nibqgħu naħdmu sabiex il-Kottonera tkompli tagħti opportunitajiet konkreti lir-residenti ħalli l-isfidi li kull żmien iġib miegħu ikunu megħluba.

Inħeġġiġkom biex il-karattru uniku ta’ dawn l-inħawi tħarsuh. Żgur illi ma nistax nagħlaq dan l-indirizz qasir tiegħi mingħajr ma nħeġġiġkom tgħożżu u tindukraw it-tradizzjonijiet marbuta mal-baħar, is-sengħa antika tal-bini tal-inġenji tal-baħar, it-tradizzjoni tar-Regatta, illi fil-gżejjer tagħna imdawrin bil-baħar hija marbuta b’mod partikolari mal-Port il-Kbir u għandha l-benniena tagħha fit-Tlieta Ibliet u fil-Kalkara.

Tridu tkunu intom biex tħarsu dan il-wirt u taraw li jibqa’ ħaj billi tinkoraġixxu liż-żgħażagħ biex jitħarrġu fis-snajja’ u jkunu wkoll lesti li jivvolontarjaw ħinhom biex ma jintilef xejn minn dan kollu.

Għalhekk, lil kull min qiegħed hawn, nitlobkom tagħtu ħin, enerġija u impenn għall-ġid komuni tal-Kottonera.

Nifraħ lis-Sur Charles Coleiro tar-rikonoxximent mistħoqq li ngħata llejla għall-ħidma tiegħu biex jgħolli ‘l fuq dak kollu li hu Malti.

Fuq kollox inrodd ħajr lejn il-Fondazzjoni Kottonera mmexxija miċ-Chairperson tagħha Joe Mizzi, persuna li ħajtu kollha ddedika għas-servizz tan-nies ta’ dawn l-inħawi u nawgura li l-Fondazzjoni Kottonera tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għall-aħjar ġid ta’ dan ir-reġjun.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.