Inġbarna llum biex nagħtu ġieħ lil ulied Għawdex.
L-ewwelnett, bħala Għawdxin nonqsu jekk ma nfakkrux il-memorja ta’ l-antenati tagħna: L-Għawdxin li fit-tmienja u għoxrin (28) ta’ Ottubru tal-elf sebgħa mija u tmienja u disgħin (1798) irnexxilhom jiskonfiġġu lill-Franċiżi, l-okkupanti tal-gżira ta’ Għawdex f’dak il-perjodu, u l-Franċiżi kellhom iċedu għall-Assedju mwettaq mill-antenati Għawdxin.
‘Lil hinn mill-okkupazzjoni miżera ta’ mija u wieħed u erbgħin ġurnata (141) tal-Franċiżi f’Għawdex, il-ġrajja tal-imblokk tal-Franċiżi f’Għawdex u t-tattika wżata biex jitkeċċew, huma xhieda tar-rabta profonda, proprijetarja, li aħna l-Għawdxin inħossu lejn Għawdex tagħna.
L-att erojku tal-Għawdxin, taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saverio Cassar, wera tassew l-imħabba tal-Għawdxi għall-gżira tat-tlett għoljiet, u fuq kollox ir-reżiljenza u l-qlubija ta’ dan il-ġens ġo ġens, li żgħir kemm hu żgħir, ma jippermetti lil ħadd ikasbar lill-Għawdex u lil niesu.
Għawdex jifforma parti mill-arċipelagu ta’ Malta, u b’hekk l-Għawdxin huma ċittadini tar-Repubblika ta’ Malta, iżda s-sens ta ġens ġo ġens li aħna l-Għawdxin inħossu qatt ma ntilef. Dan jgħaqqadna flimkien u jispikka f’kemm inkunu kburin bis-suċċessi ta xulxin minkejja diversità ta’ opinjonijiet inkluż dawk politiċi.
Huwa għalhekk importanti li kull sena nfakkru dan l-avveniment, fejn inħossu l-bżonn illi nirrikonoxxu r-riżultati u l-ħidma ta’ Għawdxin bħalna.
Inspirati mill-fatti storiċi tal-imgħoddi nonoraw lil dawk fostna li tul ħajjithom, b’mod jew b’ieħor, anke huma kienu ta’ kontribut u onoraw lill-Għawdex – u dan nagħmluh bl-għoti ta’ Ġieħ Għawdex u bis-saħħa taċ-Circolo Gozitano.
Sinjuri,
Għawdex hija gżira unika. Dan ngħidu, mhux biss minħabba n-natura iżolata u insulari tiegħu, li ispiraw ir-rakkonti u leġġendi li jiġbru fihom is-seħer li jaħkem lil din il-gżira ċkejkna.
Huwa stat ta’ fatt li hemm ġibda unika lejn Għawdex f’kull individwu li twieled, trabba jew jgħix fuq il-gżira.
Għal dan il-għan nemmen li “Jum Għawdex”, barra milli jkun jum ta’ ċelebrazzjoni u rikonoxximent, għandu jservi biex nieqfu nirriflettu ftit dwar temi soċjali li jolqtu lil gżirietna b’mod dirett, u li jekk naħarbu milli nindirizzawhom, inkunu qed nonqsu lil dawk li jiġu warajna.
Kull ma jmur, qed nindunaw kemm qed isir aktar importanti li nipproteġu lill-gżira t’Għawdex mill-isfidi li jġib miegħu il-progress, u li qed jolqtu lill-Għawdex b’mod dirett u indirett.
Il-progress huwa l-mutur li jkattar il-ġid ta’ pajjiżna, imma l-valur tiegħu joħroġ tassew meta dan ikun sostnut.
Għaldaqstant, kull żvilupp għandu jkun imfassal b’mod li jsaħħaħ dawn il-karattru tal-gżira, filwaqt li jzomm il-karattru tal-gżira, jissavagwadja l-karaterristici u wkoll isostnihom, jekk veru nemmnu f’viżjoni partikolari għal Għawdex, viżjoni li tkun ta’ ġid mhux biss għall-prosperità u żvilupp Għawdxi, iżda li minnha jibbenefikaw ukoll il-gżejjer Maltin.
Għawdex huwa każ ċar ta’ kif progress sostenibbli jista’ jassigura prosperità għall-Gżejjer Maltin kollha – jekk ikompli joffri esperjenzi differenti u b’hekk, bħala pajjiż, iżid l-attrazzjonijiet li Malta toffri lit-turist.
Huwa għalhekk li rridu nħarsu b’viżjoni fit-tul: nippromowvu l-enerġija nadifa, inżommu bilanċ bejn l-żvilupp u natura, inħeġġu aktar mobbilità sostenibbli u ngħollu l-livell tal-Kwalità.
Dan jiżgura li l-progress ekonomiku li jasal fi gżiritna ma jkunx ta’ detriment, għal wirt naturali illi kultant jiġi mwarrab għall-ġenb minħabba l-hekk imsejjaħ progress.
Illum, madwar 35% tal-ekonomija Għawdxija hija marbuta direttament jew indirettament mat-turiżmu. It-turiżmu huwa l-aktar mezz b’saħħtu ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul għall-familji Għawdxin.
Madankollu, is-sostenibbiltà ta’ dan il-ġid tiddependi fuq l-awtentiċità tal-esperjenza. Jekk it-turiżmu ibgħati – jbati l-Għawdxi.
Apparti t-turiżmu hemm bżonn li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Għawdxin biex ikomplu jgħixu u jaħdmu fuq din il-gżira, sabiex l-identità soċjali u kulturali tagħha tibqa’ tgħix minn ġenerazzjoni għal oħra. Hemm bżonn inħarsu lejn setturi ġodda, inkluż it-teknoloġija u mhux biss dawk tradizzjonali.
Studju reċenti maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri kif wieħed minn kull ħames Għawdxin li qegħdin fid-dinja tax-xogħol ikollhom jaqsmu ta’ kuljum biex jaħdmu Malta.
It-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer joħloq element ta’ żvantaġġ għal dawk l-Għawdxin li jkollhom jaqsmu ta’ kuljum biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.
Il-ħidma kollettiva mis-settur privat u anke dak governattiv għandha tiffoka biex tkompli toħloq opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex.
Dan jista’ jsir billi jintlaħaq il-potenzjal tal-użu ta’ infrastruttura ġa eżistenti f’Għawdex, fosthom il-Gozo Innovation Hub, fejn għal diversi drabi, il-Gozo Business Chamber ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jikkonvertuh f’ċentru vibranti tat-Teknoloġija u tan-Negozju.
B’hekk, b’mod konkret, Għawdex ikun jista’ jilqa’ għad-domanda dejjem tikber ta’ tfajliet u ġuvintur li jkunu gradwaw u jibdew ifitxxu opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol, imma fid-dinja tax-xogħol f’Għawdex. Dik hi l-importanza li rridu nagħfsu, għaliex għall-grazzja t’Alla hawn xogħol fil-pajjiż, imma l-Għawdxin inkunu nixtiequ li l-opportunità tax-xogħol tkun fi gżiritna.
Dan ngħidu għaliex konxja li r-rata tal-Għawdxin li qed jiggradwaw mill-Università jew mill-MCAST b’baċċellerat, jew anke masters, qed ikompli jiżdied meta kkumparat ma’ studenti oħra f’Malta, u għandhom ikollhom l-opportunità li jsibu impjieg f’Għawdex stess u jkunu jistgħu jibnu familja hawn, mingħajr il-ħafna tbatija ta’ traġitt kuljum.
B’sodisfazzjon ninnota kif entitajiet non-governattivi Għawdxin, għal dawn l-aħħar snin kienu strumentali biex Għawdex jingħata leħen li jinstema’ u ssir bidla għall-aħjar. Hawn inħoss dover li minbarra l-Gozo Business Chamber, naċċenna għax-xogħol li tagħmel il-Gozo Tourism Association.
Sinjuri,
L-għoti tar-rikonoxximent Ġieħ Għawdex illum jimmarka il-milja li laħqu sħabna Għawdxin f’setturi differenti, u jixħet dawl fuq il- l-karattru ffukat u persistenti tagħna l-Għawdxin.
Huwa għalhekk li din iċ-ċerimonja ta’ kull sena tfakkarna fuq l-importanza u d-dmir li, iva, nipproteġu l-karatteristiċi fiżiċi, iżda nirrikonoxxu anke dawk il-karratteristiċi ta’ valur uman li aħna Għawdex tant ngħożżu.
Nifraħ, għalhekk, lilkom li ġejtu onorati f’din l-attività u nawgura li tibqgħu tkunu membri attivi fis-soċjetà Għawdxija, u li jkun hemm oħrajn li jimxu fuq l-eżempju tagħkom.
Nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-apprezzament tiegħi lil-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, ir-Reġjun Għawdex, u ċ-Circolo Gozitano talli sena wara l-oħra jibqgħu jaħdmu sabiex dawn l-individwi Għawdxin li huma ta’ ġid għall-oħrajn u għal Għawdex ikunu ppremjati u jingħataw il-ġieħ li jistħoqqilhom.
Nirringrazzja lil kull min qiegħed hawn u wkoll lil dawk li mhux hawn imma jagħmlu ħidma fis-skiet.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].