The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Appell tal-President Myriam Spiteri Debono għall-kampanja ġbir ta’ fondi ta’ Hospice Malta

Appell tal-President Myriam Spiteri Debono għall-kampanja ġbir ta’ fondi ta’ Hospice Malta

Dan huwa appell min-naħa tal-Presidenza sabiex fit-teleton li ser jiġi organizzat mill-Hospice nhar il-Ħadd 7 ta’ Lulju, mill-ħdax ta’ filgħodu sal-ħdax ta’ billejl, inkunu ġenerużi u nikkontribwixxu dak li nistgħu.

Il-Hospice hija pilastru fis-sistema medika tagħna. Il-kura illi toffri, sew dik paljattiva u wkoll kura ta’ natura oħra, huma neċessarji partikolarment sabiex jingħata s-sostenn, ħafna drabi wkoll psikoloġiku u psikjatriku, lil min ikun qiegħed iġarrab mard li jista’ jkun terminali, u lill-membri l-oħrajn tal-familja tiegħu.

Biss biss irridu ngħidu illi s-sena l-oħra kien hemm 1,500 familja illi rrikorrew għall-għajnuna għand il-Hospice. Il-Hospice wkoll qed ikollhom madwar 800 talba għall-għajnuna kull sena.

Qegħdin fl-aħħar fażi illi jispiċċaw iċ-ċentru tagħhom bl-isem St Michael Hospice. Imma ċ-ċentru mhux il-ġebla biss. Irid ikun attrezzat bl-equipment li jkollhom bżonn. Irid ukoll ikollok il-professjonisti illi jridu jiggwidaw u jagħmlu missjoni ma’ min ikun marid u mal-familji tiegħu.

Dan kollu jiswa ħafna u ħafna flus. U huwa proġettat illi, għalkemm fil-preżent l-ispiża tlaħħaq kważi tliet miljuni, din ser titla’ għal erba’ miljuni, anke minħabba l-fatt illi proġettat li jekk preżentement il-Hospice għandha 60 impjegat, din għandha bżonn li jkollha 100 impjegat.

Nirrikonoxxi l-fatt illi hemm ħafna voluntiera illi bla ħlas jikkontribwixxu ħalli l-Hospice tkun tista’ tagħti s-servizz li jkun meħtieġ. U lil dawn, b’mod partikolari, irridu nirringrazzjawhom. Imma jien nappella biex inkunu ġenerużi għaliex kulħadd jista’ jiġi bżonn is-servizzi paljattivi u oħrajn tal-Hospice; jien, int, membri tal-familja tiegħek, membri tal-familja tiegħi. U għalhekk għandna naraw illi l-Hospice nsostnuh bil-ġenerożità tagħna.

Skip to content