The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

SkillScape – National Skills Council

6 ta’ Settembru 2024
Malta Business Registry, Żejtun

L-affarijiet li semma’ Dr Pullicino Orlando, dwar x’qiegħed jara u fuq xiex qed jiffoka l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet huma neċessarji għas-soċjetà fil-ħajja tal-lum, kemm għas-soċjetà tagħna imma huma ħiliet neċessarji wkoll globalment.
Fis-soċjetà tagħna importanti ħafna, u jiena ngħid illi l-istess ċokon tagħna huwa vantaġġ f’sitwazzjoni bħal din, għax fiċ-ċokon li għandna nistgħu nilħqu il-ħafna rkejjen b’mod aktar wiesa’.
Nirringrazzja lil Dr Jeffrey Pullicino Orlando u lit-tim tiegħu illi għamluli din l-istedina u jidhru illi daħlu b’mod intens ħafna f’din il-ħidma fejn qed jippruvaw jiċċaraw is-sitwazzjonijiet u juru toroq li għandhom x’jaqsmu ma’ kif illum hemm bżonn jiġu żviluppati ħiliet biex inkunu qegħdin għaddejjin pass pass ma’ żviluppi li qed ikun hemm anke fit-teknoloġija, partikolarment fil-komunikazzjoni.
Qegħdin ngħidu li qiegħed ikun hemm nuqqasijiet, ‘gaps’, fil-mod kif wieħed jirreaġixxi u jaħseb. Dan ifisser li f’pajjiżna rridu nibdlu wkoll id-dinamika ta’ kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Meta nqisu l-bidliet nifhmu li jinvolvu elementi ta’ assimilazzjoni li rridu nidraw u nitgħallmu nħaddmuhom. Jekk ma nkunux lesti li nilqgħu dawn it-tip ta’ bidliet, iċ-ċans hu li saħansitra anke ninqatgħu mill-kumplament tad-dinja u anke minn dak li jista’ joffrilna l-futur.
Il-progress fit-tkabbir ekonomiku bħal dak li Malta kellha tul l-aħħar snin iġib miegħu wkoll bżonn biex jimtela vojt fis-suq tax-xogħol li jista’ jsir biss jekk individwu jkun lest li jitgħallem jikseb u jħaddem ħiliet ġodda, u dan il-proċess għandu jkun ongoing.
Jekk dan ma jseħħx, naraw il-ħolqien ta’ vojt fil-ħiliet, ikollna skills gap li kulma jmur tibda tinħass u tibda tiżdied fid-diversi setturi.
F’Malta, il-proċess anke ta’ dan il-Kunsill huwa parti mill-preparamenti għall-qabża ta’ kwalità li jmiss fl-impjiegi u fix-xogħol marbuta ma’ dawk li qed jissejħu mega trends li jinkludu ambjent sostenibbli u bidla qawwija fl-iżvilupp teknoloġiku. Jekk dan ma jseħħx, hemm ċans illi dan jolqot bil-qawwi u b’mod ħażin lill-ekonomija tagħna kif ukoll l-ambizzjonijiet tagħna ‘l barra minn xtutna.
Il-kunċett ta’ tagħlim matul il-ħajja huwa l-aqwa mod biex wieħed jevita li jinqata’ minn proċess rapidu li naffaċċjaw fil-pajjiż. Dan ifisser li l-perjodu ta’ żmien li matulu wieħed jista’ jakkumula ħiliet jew prattiċi ġodda ġie estiż b’mod radikali b’tali mod li l-aċċess għall-istituzzjonijiet edukattivi jibqa’ disponibbli u relevanti sa etajiet kbar. Jien qed ngħid li dan il-proċess irid jibqa’ sal-mewt għaliex l-aġġustamenti jridu jsiru b’mod kontinwu.
Biex inti tibqa’ taġixxi, speċjalment bil-mod illi qed iseħħu bidliet madwarna, lil uliedna fl-iskejjel ukoll irridu ngħallmuhom ix-xjenza tal-ħsieb. Mhux kulħadd jitwieled bid-don naturali illi kapaċi jaħseb b’mod sistematiku jew inkella b’mod illi jkun ordnat.
U aħna, fl-aħħar mill-aħħar, kellna l-aqwa wieħed fid-dinja rikonoxxut illi ħareġ mad-dinja kollha illi dan l-iskill tal-ħsieb tista’ tiġi mgħallma fl-iskejjel.
Liż-żgħar irridu naraw illi nattrezzawhom għall-futur, u nemmen li x-xjenza tal-ħsieb miċ-ċokon, kif fuq kollox nediha u żviluppaha l-Professur Edward Debono, għandha ssib postha fl-iskejjel tagħna mill-kindergartens ‘il fuq.
Irid ikun hemm ir-reżiljenza fil-ħaddiema tagħna. Irid ikun hemm il-kreattività. Għax mhux l-ewwel darba, u dan ma nistgħux ngħidu biss illi huwa fid-dinja tax-xogħol imma anke fil-ħajja personali, li għandek ir-rabta bejn il-ħajja personali u d-dinja tax-xogħol.
Kull wieħed u waħda minna, il-problemi li jkollu fil-ħajja personali, ħafna drabi mhux dejjem u mhux kulħadd ikollu dik id-dixxiplina jew forsi jkunu tant kbar li ma nistgħux naqtgħu linja u x’ħin ħriġna mid-dar nagħlqulhom il-bieb u ma nġorruhomx magħna. Allura anke s-self-discipline ta’ kif inti tikkonċentra moħħok fuq dik il-ħaġa li għandek quddiemek hi importanti.
Apparti dan, il-komunikazzjoni, anke fejn jidħlu s-sistemi ta’ kummerċ u negozju minn pajjiż għall-ieħor, il-problemi li s-sitwazzjoni internazzjonali tpoġġi wkoll fuq il-kummerċ, irid ikollna nies illi jkunu mħarrġa u attrezzati għal kif għall-problemi jsibu s-soluzzjonijiet fil-livelli kollha tal-ħajja li jolqtu lill-bniedem sew personalment u wkoll skont dik il-linja li huwa minnha jaqla’ l-għajxien.
Għaliex huwa lkoll kemm aħna, il-kollettività tal-individwi, li tagħmel is-soċjetà. Il-kollettività tal-individwi li minnha joħroġ il-ġid u jitnissel il-ġid li jkollu l-pajjiż. L-ikbar asset li għandu pajjiżna huma niesna.
U għandna, iva, problema demografika. Din il-problema ma jistax ikun li nibqgħu nparlaw fil-vojt dwarha. Jekk hemm tip ta’ xogħol, lesta li mmur nagħmlu jien jew għandi bżonn illi spalla ma’ spalla miegħi fit-tkattir tal-ġid ekonomiku u biex is-servizzi f’pajjiżi jilħqu liċ-ċittadini kollha u nibqgħu nagħtuhom, naqsmu dan spalla ma’ spalla ma’ nies oħra?
Irridu nkunu ċari fuqhom għaliex dik ukoll hija parti mir-rikonoxximent, mir-realizzazzjoni ta’ x’inhi s-sitwazzjoni reali li qegħdin ngħixu. Il-fatt illi hawn il-ħaddiema barranin hija parti mis-soluzzjoni u parti mill-mod kif problemi li kien se jkollna, u li jaf ser nibqgħu niffaċċjaw bin-nuqqas ta’ twelid li qiegħed ikollna, nistgħu nsolvuhom. Imma rridu nimxu wkoll mil-lat uman u mil-lat soċjali.
Għandek ukoll affarijiet oħra li rridu naraw u nieħdu ħsiebhom għaliex din ukoll se naffaċċjawha u għandna niftħu għajnejna għaliha.
Jiena dort ħafna skejjel. F’dawn l-iskejjel qed insibu taħlita ta’ tfal tal-Maltin u tfal ta’ dawn il-ħaddiema barranin li qegħdin hawn jissupplimentaw fejn aħna b’niesna m’għandniex biżżejjed għal ċerta setturi. Dawn qed jitrabbew spalla ma’ spalla mat-tfal tal-Maltin. Hemm minnhom illi twieldu hawn, hemm ġenituri li ilhom hawn 6, 7, 10 snin regolari bħala ħaddiema. Dawn it-tfal, la jagħlqu t-tmintax-il sena se jkollhom dritt illi anke bil-proċess ta’ naturalizzazzjoni se jkunu huma wkoll ċittadini ta’ Malta. Jiġifieri l-mindset tal-Maltin irid ikun ippreparat li dawn huma ċittadini daqsna.
U l-iktar ħaġa importanti dejjem hija li rridu nżommu quddiem għajnejna li t-tibdil qed ikun mgħaġġel ħafna. Aħna bħala n-nies li se nkomplu nħaddmu dak it-tibdil ta’ madwarna rridu nkunu lesti biex jekk jista’ jkun nippreveduh qabel ma jasal.
Inħoss li l-Presidenza għandha tagħti dan il-messaġġ: Tafu x’hemm bżonnijiet u fejn irridu naslu bħala pajjiż, u nawgura suċċess lilkom u lil dawk l-istituzzjonijiet l-oħra illi magħhom taħdmu id f’id għall-ġid ta’ pajjiżna.
Jidher illi l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, fis-sentejn li ilu mwaqqaf, ingrana sew fl-għanijiet li għalihom inħoloq.

Skip to content