The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Diskors mill-President Myriam Spiteri Debono fl-inawgurazjoni tal-mużew u t-tlestija tar-restawr tal-Bażilika ta’ Sidtna Marija tal-Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta

Reverendissimi membri tal-komunità Dumnikana,

Mistednin distinti,

Parruċċani ta’ San Duminku u tal-Madonna ta’ Porto Salvo,

Ninsab ħerqana illi nara mill-qrib ir-restawr li sar fil-Knisja Parrokkjali Bażilika li qegħdin fiha, tal-Madonna ta’ Porto Salvo, għalkemm il-maġġoranza l-kbira tal-Maltin jirreferu għaliha bħala l-Knisja ta’ San Duminku.

Ħerqana wkoll illi nara x-xogħol li sar biex din l-istess knisja jkollha wkoll “il-mużew” tagħha. Ma rridx li s-Sur Cutajar iħarisli bl-ikrah, għax din il-kelma “mużew” ma jrid jismagħha bl-ebda mod. U għandu raġun. Mużew illi – u ħa jkolli nużaha għal ftit – warajh hemm, kif spjega s-Sur Mario Cutajar, kunċett interessanti ħafna. Is-Sur Cutajar spjega – u ħa nagħmel parentesi oħra, dan jiena nafu għax meta wassalli anke ċerta stediniet inkonnessjoni ma’ din il-knisja, u mal-festa ta’ San Duminku, iddiskuta miegħi l-kunċett illi minnu twieled dan il-proġett, l-ewwel fil-knisja u mbagħad f’din l-esperjenza, kif isejħilha hu. Mario spjega illi l-idea hija illi flok jinħoloq biss spazju depożitorju ta’ ġabra ta’ artefatti, oġġetti sagri u profani ta’ arti u kultura, li nġemgħu matul is-snin mgħoddija, min iżur dan l-hekk imsejjaħ “mużew” isib opra ħajja. Opra ħajja għaliex ukoll hemm l-iskop illi din tkun sostnuta, u sostnuta anke għall-futur.

Dan għaliex huwa maħsub illi flok relikwarju, ikun hemm esperjenza li tiġġedded minn nisel għal nisel skont kif tkun mgħejxa l-ħajja minn ġurnata għall-oħra, imdakkra wkoll minn dak li jkun qed jolqot lill-Belt kapitali tagħna li pass pass magħha hemm minsuġa l-istorja u l-iżvilupp tal-Knisja u l-Parroċċa tal-Madonna ta’ Porto Salvo u tan-nies li jgħixu f’din il-parti tal-Belt, parruċċani ta’ din l-istess knisja.

Il-knisja u l-proġett kollu tal-memorja u l-ġejjieni ħadu għaxar snin biex jitlestew. Kienu għaxar snin ta’ impenn kbir u studju, speċjalment meta mar-restawr bdew jinkixfu oġġetti li jew ma kienx hemm għarfien tagħhom, jew inkella kienu ntesew, u dawn, meta kienu jaraw id-dawl, kien jinħtieġ ħsieb biex jingħataw ħajja ġdida.

Kien proġett li wkoll kien jirrikjedi investiment kbir, liema investiment sar mill-Gvern Malti, minn fondi ta’ flejjes mill-Unjoni Ewropea u bl-għajnuna finanzjarja ta’ donaturi li minnhom kien hemm individwi privati, iżda wkoll l-għajnuna li l-Bank of Valletta ta bħala wieħed mid-donaturi ewlenin. F’dan kollu wkoll wieħed ma jridx jinsa x-xogħol imbierek bi mħabba u dedikazzjoni kbira minn ħafna volontiera.

Saru proġetti ta’ restawr fil-Belt Valletta. Anke proġetti ta’ restawr ta’ knejjes, b’mod partikolari fil-parti ta’ fuq tal-Belt. Kien altru li wasal iż-żmien li din il-Knisja tal-Madonna ta’ Porto Salvo, bi storja marbuta tant fil-qrib mal-port maestuż li bih żejjinna l-Mulej, tingħata l-attenzjoni li jixirqilha u din il-parti tal-Belt tkun ukoll integrata u tieħu postha fil-pjan tar-restawr tal-Belt Valletta.

Jidhirli illi mhux aktar il-każ illi minn dawn l-inħawi, li ħafna jirreferu għalihom bħala “l-inħawi t’isfel tal-Belt”, ikun hemm nies li jiltaqgħu miegħi u jgħiduli li hemm isfel minsijin, u jkomplu wkoll kultant, “anke l-knisja ser tispiċċa għax San Duminku, jekk ma neħdux ħsiebu, ser jaqagħlna biċċiet”.

Jalla dan il-proġett jitgawda għal snin twal, min-nies mhux biss ta’ dawn l-inħawi, mill-Maltin kollha u anke barranin li jżuruna. Iżda jien fuq ħaġa waħda nisħaq: inħeġġeġ illi dawk kollha li ddedikaw tant ħin u enerġija fiżika, imma ħafna u ħafna minnha mentali, għal dan il-proġett, biex jindukraw liż-żgħażagħ, ħalli meta huma jkun wasal iż-żmien illi jċedu r-riedni, ikun hemm min jieħu r-riedni f’idejhom, għax inkella inutli ngħidu dan proġett li ġej mill-imgħoddi u rriduh imur fil-ġejjieni, jekk ma niħdux ħsieb li jkun hemm min għall-ġejjieni jmexxih. U dawk li jmexxuh fil-ġejjieni, irridu wkoll indaħħlulhom f’moħħhom illi huma jridu jimxu bl-istess mod, illi meta jaslu biex huma jwarrbu, jew bl-età jew minħabba bżonnijiet oħra, iridu jaraw li hemm min ħa jieħu posthom, inkella l-proġett jieqaf u altru li jsir mużew, probabbilment isir relikwa. U aħna dan ma nixtiquh fl-ebda ħaġa f’pajjiżna, għax importanti ħafna illi l-ħajja tibqa’ ssir u minn ġenerazzjoni għall-oħra nippreparaw għall-ġenerazzjonijiet li jkunu għadhom ġejjin.

Nirringrazzjakom.

Skip to content