Lorelle Ebejer, studenta tas-sitt sena fl-Iskola Primarja Statali tal-Kulleġġ San Injazju, Ħal Luqa, hija r-rebbieħa tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2024.
Il-President Myriam Spiteri Debono ppreżentat il-midalja tal-premju waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Waqt il-preżentazzjoni, intqal kif Lorelle, fis-skiet iżda b’sabar u mħabba kbira, saret l-akbar ħabiba ta’ tifel bilkundizzjoni tal-awtiżmu. Hija tat kontribut ferm siewi biex l-istess student jimxi ’l quddiem u jagħmel differenza kbira fil-ħajja tiegħu, wara biss sena li saret tafu.
Il-President Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet il-kontribut ta’ Patri Dijonisju Mintoff li, “Tul is-snin fittex illi jinfluwenza n-nisġa tat-tessut soċjali f’pajjiżna permezz ta’ Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija.”
Il-President fissret kif, “L-aċċettazzjoni ta’ xulxin hija neċessarja għaliex il-prinċipju ewlieni li fejn naraw ilbżonn, kif għamlet Lorelle, tat l-għajnuna, huwa l-bażi tal-paċi, anke tal-paċi fid-dinja.”
Il-Laboratorju tal-Paċi jorganizza dan il-Premju ta’ kull sena bil-għan ukoll li kull sena jitfakkar il-Papa Ġwanni XXIII – il-Papa li għallem fuq il-paċi fid-dinja u fuq it-tjubija li tinbena fit-tfal biex tibqa’ titwettaq tul iżżminijiet.