Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Ħamest iklieb ta’ assistenza jiggradwaw waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton

Ħamest iklieb ta’ assistenza lestew il-programm ta’ taħriġ u preparazzjoni biex ikunu jistgħu jassistu lil persuni li għandhom kundizzjonijiet differenti, matul il-ħajja ta’ kuljum.

Wara li lestew it-taħriġ neċessarju, Balto, Dom, Sam, Pablo u Kaydi ggradwaw waqt ċerimonja organizzata mis-Service Dogs Malta Foundation, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.

It-taħriġ ta’ kull kelb jiswa’ madwar €15,000, iżda l-għaqda volontarja tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha tal-akkwist u t-taħriġ u tgħaddihom b’xejn lill-persuni li jibbenefikaw.

Balto u Kaydi issa se jkunu assenjati lil persuni b’diffikultà fil-mobilità, Dom ġie mħarreġ biex jipprovdi assistenza lil persuna bid-dijabete, filwaqt li Pablo se jservi bħala kelb tal-assistenza għal persuna b’kundizzjoni psikjatrika.

It-taħriġ ta’ Sam, kelb tar-razza Labrador, kien possibbli permezz ta’ investiment ta’ €15,000 mill-Gvern ta’ Malta, u issa se jkun assenjat lil tifla ta’ 7 snin fl-ispettru tal-awtiżmu, biex joffrilha appoġġ kontinwu fil-ħajja ta’ kuljum.

Sam ġie mħarreġ apposta biex jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tagħha, billi jipprovdi sigurtà, stabbiltà emozzjonali u appoġġ prattiku f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità, u b’hekk se joffri lit-tifla l-inklużjoni u l-awtonomija li għandha bżonn biex tgħix ħajja iktar indipendenti.

Fid-diskors tagħha matul il-gradwazzjoni, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, faħħret ix-xogħol tal-Fondazzjoni u l-voluntiera fi ħdanha, għat-tama u wens li joffru lill-individwi u familji fil-bżonn ta’ dawn il-klieb ta’ assistenza.

Il-President fissret il-gradwazzjoni ta’ dawn il-ħamest iklieb bħala bidu ġdid għal dawk li se jiddependu fuqhom fil-ħajja ta’ kuljum, u xhieda kif b’dedikazzjoni, paċenzja u impenn nistgħu nbiddlu l-ħajja tan-nies għall-aħjar.

Joseph Stafrace, il-fundatur u Operations Manager tas-Service Dogs Malta Foundation, spjega kif il-gradwazzjoni tal-klieb ta’ assistenza hija parti minn programm usa’ ta’ taħriġ intensiv u speċjalizzat.

Stafrace fisser il-kburija, l-emozzjoni u l-mumenti li ma jintesewx tal-vjaġġ li jwassal lill-klieb għal din il-gradwazzjoni, waqt li fisser il-mument tal-għotja tal-klieb lill-persuni li għandhom bżonnhom bħala ċelebrazzjoni ta’ snin ta’ dedikazzjoni u impenn minn grupp ta’ persuni ddedikati.

Matul iċ-ċerimonja, l-Arċisqof ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna bierek lill-klieb u lill-individwi u l-familji li ser jibbenifikaw minnhom.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof fisser din l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni tal-armonija bejn il-bniedem u l-ħlejqa. “Qed niċċelebraw ukoll l-isforz tat-trainers, li ppreparaw lil dawn il-klieb ħbieb tagħna, biex ikunu ta’ servizz. Qed niċċelebraw ukoll il-fatt li bl-għajnuna tagħhom, ħamsa minna se jkollhom iżjed awtonomija. Għalhekk qed niċċelebraw il-possibbiltà li titjieb il-kwalità tal-persuna, xi ħaġa li nawguraw lil kulħadd.”

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia saħqet li l-investiment tal-Gvern f’dan il-programm ta’ taħriġ huwa xhieda tal-impenn favur miżuri li jtejbu direttament il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.

“Din il-gradwazzjoni turi kif, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ għaqdiet volontarji, nistgħu noħolqu bidla reali u tanġibbli fil-ħajja tan-nies, b’mod partikolari ta’ persuni fl-ispettru tal-awtiżmu u l-familji tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru.

Ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea, fissret iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ dawn il-ħamest iklieb bħala “ċelebrazzjoni ta’ ħajja iktar indipendenti u awtonoma għall-ħames persuni li se jibbenefikaw minnhom.”

Fi tmiem iċ-ċerimonja, is-Service Dogs Malta Foundation nediet ukoll il-kanzunetta ‘Dejjem Tiegħek’, bi kliem ta’ Rita Pace u l-interpretazzjoni tal-mezzo-sopran Vanessa Vassallo.

Din il-kanzunetta tirrakkonta l-istorja tal-għaqda unika u speċjali bejn il-klieb ta’ assistenza u sidu, mibnija fuq il-fiduċja, il-lealtà u l-imħabba bla kundizzjoni.

Min jixtieq iktar informazzjoni jista’ jagħmel dan billi jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Service Dogs Malta Foundation’ jew jagħmel kuntatt ma’ Joseph Stafrace fuq 79617814.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.