Nilqagħkom għal din is-serata tal-lum, fejn qegħdin nagħtu ħarsa lejn il-personalità ta’ ħafna talenti u kapaċitajiet, tad-defunt Aġent President tar-Repubblika, Pawlu Xuereb.
Illum, qegħdin inħarsu lejn Pawlu Xuereb, minn angolu differenti minn dak politiku, li huwa l-ewwel angolu li jiġik f’moħħok meta tisma’ ismu.
Ser nitkellmu fuq Pawlu Xuereb l-awtur ta’ novelli polizjeski.
Xuereb twieled fl-1923, segwa l-istudji tiegħu f’beltu, Ir-Rabat Malta, fil-Kulleġġ San Alwiġi u anke fl-Ingilterra, fis-City Literary Institute u fir-Regent Street Polytecehnic fejn studja l-ġurnaliżmu, l-ekonomija u x-xjenza politika.
Pawlu Xuereb involva ruħu fil-politika.
Il-mixja politika tiegħu bdiet fil-qasam tal-midja stampata tal-Partit Laburista, fejn kien editur letterarju u assistent editur ta’ The Voice of Malta u eventwalment direttur ġenerali tal-Freedom Press; dan qabel ma’ ġie elett fil-Parlament u kien anke fdat bi rwoli Ministerjali.
Apparti l-impenn tiegħu fil-politika, Xuereb kien mogħni b’pinna b’saħħitha fejn jidħol l-ilsien Malti. It-tlett novelli li għandna quddiemna llum, it-tlieta jduru madwar il-figura ta’ Tarcy Saydon, l-Ispettur ditektiv tad-dipartiment investigattiv tal-Korp tal-Pulizija, is-CID.
Dawn it-tlett novelli, tnejn minnhom huma qtil, u dawn huma: Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa (1966), u Qtil f’San Pawl il-Baħar (1968), u bejniethom Xuereb tratta r-reat ta’ serqa tal-bust tal-Gran Mastru Nicolas Cotoner, minn dak li n-nies fl-inħawi tal-Kottonera, isibuh Bieb is-Sultan.
Il-pubblikazzjoni mill-ġdid ta’ dawn it-tlett novelli, kienet xprunata minn studju ta’ Wayne Camilleri, li llum ma setax ikun magħna minħabba impenji ta’ studju fl-Akkademja militari ta’ Sandhurst in konnessjoni max-xogħol tiegħu bħala uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta.
F’dan l-istudju, Wayne għamel analiżi ta’ dawn it-tliet novelli fl-isfond tal-ġeneru polizjesk fil-letteratura sew barranija kif ukoll f’dik Maltija.
L-edizzjonijiet il-ġodda ta’ Xuereb mill-SKS ser jagħtu opportunità lil dawk kollha li kien għadhom ma qrawx in-novelli tiegħu biex jagħmlu dan.
Huwa għalhekk li dawn l-edizzjonijiet jagħtu ħajja ġdida lill-opri letterarji ta’ Pawlu Xuereb, u jagħtu opportunitajiet lill-ġenerazzjonijiet ġodda biex japprezzaw dak li għandu jkun meqjus bħala xogħol fundamentali fil-letteratura Maltija.
F’dawn ix-xogħlijiet, Xuereb jippreżenta lid-ditektiv Tarcy Saydon, bħala membru tal-Korp tal-Pulizija.
Mhuwiex ditetktiv li niltaqgħu miegħu bħal fil-maġġoranza tal-ġeneru ta’ stejjer hekk imsejħa ditektiv, fejn ikollok il-personaġġ prinċipali jaġixxi waħdu, l-aktar l-aktar, b’xi assistent biss — dan għaliex, Tarcy Saydon, għandu warajh il-Korp u membri tal-korp; Kuntistabbli, Surġenti, u bħala membru uffiċjal tat-taqsima tas-CID, anke għandu kuntatti diretti, minħabba r-rwol tiegħu, mad-dipartiment tas-Servizz Sigriet, u wkoll linja diretta ma’ Korpi tal-Pulizija ta’ pajjiżi oħra, fosthom dawk tal-Italja u tal-Ingilterra, bħalma jirriżulta min-novella Qtil f’San Pawl il-Baħar.
Il-kuxjenza u tħassib soċjali, li fl-opinjoni tiegħi, imbuttaw lilXuereb biex ikun attiv politikament, joħorġu wkoll f’dawn it-tlett novelli. Niltaqgħu ma’ paragun bejn il-ħlas tax-xogħol, bejn irġiel u nisa, ġuvintur u tfajliet, illi jaħdmu f’fabbrika, u jirreferi għad-diskrepanza kbira li kien hemm bejn il-ħlasijiet lil wieħed jew lill-oħra, għalkemm jagħmlu l-istess xogħol, jiġifieri d-diskriminazzjoni fi ħlas ta’ xogħol l-istess, għal xogħol l-istess, sempliċiment għall-fatt li wieħed ikun raġel u l-oħra tkun mara. Dan huwa wieħed mill-eżempji li niltaqgħu magħhom fit-tlett novelli illi jagħtu stampa tas-sitwazzjoni politko-soċjali lejn l-aħħar tas-sittinijiet.
Joħorġu wkoll, ċerta attitudnijiet u preġudizzji soċjali, illi sal-ġurnata tagħna tal-lum, inbidlu tant, illi l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, lanqas biss joħolmu li kienu jeżistu.
Niltaqgħu mhux biss mal-faqar materjali, iżda wkoll edukattiv u intellettwali. Fin-novella It-Tfajla l-Maħruqa, hemm aċċenn għall-prostituzzjoni, li kważi kważi kienet aċċettata bħala sors ta’ introjtu li jissupplixxi d-dħul minn xogħol/impjieg prinċipali.
Jissemmew ukoll, il-familji kbar b’ħafna u ħafna wlied, fejn iż-żgħar ikunu għadhom żgħar ħafna u l-kbar ikunu diġà daħlu fid-dinja tax-xogħol, bħala adulti.
Meta hemm referenza għall-vot, ir-referenza għall-vot hija għall-vot ta’ wieħed u għoxrin sena. Illum mhux biss, morna aktar ‘lil hinn mill-vot ta’ tmintax-il (18) sena, iżda min għalaq is-sittax-il (16) sena wkoll għandu vot.
Niftakar illi lejn l-aħħar tas-snin sittin, fil-pajjiż kien hawn agħha kbira dwar kemm kien prevalenti l-kutrabandu.
Mit-tlett novelli nindunaw ukoll illi x-xogħol kien l-ikbar prijorità, jiġi fuq quddiem u li kien l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tal-bniedem.
Kien żmien imbiegħed mill-kunċett tal-lum, li lkoll kemm aħna qed nippruvaw inħaddmu illli jinstab il-bilanċ bejn id-doveri tal-familja, doveri personali, u d-dinja tax-xogħol. F’ħafna istanzi, Tarcy Saydon u anke sħabu, iċemplu lin-nisa tagħhom biex jgħidulhom li ser jittardjaw, li mhuwiex ser imorru għall-ikel id-dar, jew addirittura, biex għal-lejl ma jistennewhomx.
Naċċenna wkoll għall-mod kif id-ditektiv/uffiċjal tal-Pulizija, Tarcy Saydon, minn ħin għall-ieħor, partikularment x’ħin ikun qiegħed jaħseb fuq possibbli xenarji tad-delitt li jkollu quddiemu, biex jasal li jsolvih, minn ħin għall-ieħor iqabbad sigarett — u altru li jiena nifhmu lill-Tarcy Saydon!
Is-sigaretti tant kienu preżenti f’ħajjet in-nies, u hawnhekk bħalma għidt aktar ’il fuq, fil-ħajja tal-karattru prinċipali, illi fl-istudju tiegħu, Wayne Camilleri, jiddedika kapitlu sħiħ għal kif jidher it-tipjip fit-tliet novelli.
Xuereb, iżid l-awtentiċità tat-test billi fid-djalogu jinfilsa wkoll kliem bid-djalett, filwaqt illi għalina l-Maltin u l-Għawdxin, jagħti ħajja lill-iskript kollu, meta jsemmi nħawi ta’ Malta u Għawdex.
Fil-fatt, ngħid għalija, li kważi kważi jidhirli li pajjiżna nafu mhux ħażin, anke bil-laqmijiet u l-ismijiet partikolari ta’ kull rokna tiegħu, jiena ssorprendejt lili nnifsi illi — u jiena l-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli nafhom — meta ltqajt ma’ Wied Liemu fin-novella Il-Każ tat-Tfajla l-Maħruqa ma kontx naf fejn qiegħed.
Għal nies tal-ġenerazzjoni tiegħi, dawn it-tlett novelli ta’ Pawlu Xuereb, ifakkruna, u pjuttost iġegħluna, nerġgħu ngħixu, fiż-żmien meta l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kienet aktar iebsa.
Filwaqt illi nikkunsidra illi għal ġenerazzjonijiet ta’ warajja, min kapaċi jaqra, jirrifletti u jsaqsi, in-novelli jistgħu jqajmulu kurżità u jibgħatuh ifittex dwar il-ħajja tal-Maltin, fi żmien mhux daqstant ’il-bogħod, jiġifieri l-aħħar tas-sittinijiet u bidu tas-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor —- forsi wkoll, dawn il-ġenerazzjonijiet iktar żgħar minni, jibdew jifhmu l-passi l-kbar li għamel pajjiżna fi żvilupp soċjali u ekonomiku, mis-sebgħinijiet sal-ġurnata tal-lum. It-tlett novelli nkitbu fl-1966, 1967 u 1968.
X’titjib kien hemm fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-ftuħ ta’ opportunitajiet, partikularment, twessigħ f’opportunitajiet fejn tidħol edukazzjoni, illi hija ċ-ċavetta għal-livell ta’ għejxien aħjar, u ħafna u ħafna miżuri oħra ta’ sapport u fejda, illi jgawdi minnhom il-poplu tagħna llum.
Dan kollu, ipoġġi lil Pawlu Xuereb fuq quddiem bħala wieħed mill-aktar pinen distinti fil-letteratura Maltija kontemporanja. L-istil tiegħu jgħaqqad profondità emozzjonali ma’ osservazzjonijiet fini tal-ħajja ta’ kuljum; mal-fittizju u l-misterjuż, jagħġen ukoll stampa tal-qagħda soċjali fiż-żmien li kiteb dawn in-novelli lejn l-aħħar tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor.
Minn dan kollu, wieħed jintebaħ illi Pawlu Xuereb, mhux biss ħalla warjah il-legat tal-ħidma politika tiegħu, iżda wkoll ħalla wirt letterarju importanti, li jixħet dawl fuq id-dimensjoni soċjali ta’ pajjiżna.
Għalhekk nittama li din il-pubblikazzjoni ġdida tkompli sservi bħala pont bejn il-passat u l-preżent, u bħala stedina biex naqraw, nifhmu u napprezzaw aktar, mhux biss il-wirt letterarju tagħna, iżda wkoll il-mixja soċjali, u l-evolviment tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħna l-Maltin.
B’dan il-mod, inkunu mhux biss qed nonoraw il-memorja ta’ Pawlu Xuereb, iżda wkoll inkunu qed ngħollu, inwessgħu u ninkoraġġixxu l-kreattività, l-immaġinazzjoni, id-dixxerniment, ir-riċerka u l-ħsieb ta’ dawk li bil-kitba jarrikkixxu u jkabbru l-ilsien Malti.