Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono attendiet iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali tan-Netherlands, organizzata mill-Ambaxxata tan-Netherlands f’Malta.
Fid-diskors tagħha, il-President innotat kif, matul 60 sena ta’ rabtiet diplomatiċi bejn Malta u n-Netherlands, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw firxa wiesgħa ta’ ftehimiet bilaterali u kkollaboraw f’setturi diversi bħall-agrikoltura, l-edukazzjoni, l-ekonomija blu, u t-turiżmu.
Il-President aċċennat ukoll għar-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn iż-żewġ nazzjonijiet, imsejsa fuq il-fiduċja, l-interessi u l-aspirazzjonijiet komuni, imsaħħa wkoll mill-valuri Ewropej komuni.
Fl-isfond tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, il-President Myriam Spiteri Debono appellat biex Malta u n-Netherlands ikomplu jkunu difensuri tal-valuri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u jaħdmu favur il-paċi dinjija.