Iltqajna llum sabiex niċċelebraw Jum l-Ewropa. Nibda billi nirringrazzja tal-istedina lid-Dottoressa Maria Elena Despott, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, u lis-Sur Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Nieħu wkoll l-opportunità sabiex nifraħ lid-Dottoressa Despott li ħadet f’idejha din il-kariga fix-xhur li għaddew, u nawguralha kull suċċess fil-ħidma tagħha.
Illejla hija okkażjoni sabiex inġeddu l-valuri Ewropej li jgħaqqduna. Hija wkoll opportunità biex nirriflettu fuq ir-rwol li għandu jkollha l-Unjoni Ewropea fid-dinja tal-lum, fejn, kif ilkoll tafu sew, is-sitwazzjoni ġeopolitika hija volatili ferm.
L-ewwel nett, żdiedu il-firdiet u l-frammentazzjoni internazzjonali u din il-qagħda qiegħda tkompli tissottolinja l-ħtieġa għal Ewropa iktar magħquda fl-intenzjonijiet politiċi tagħha. Hemm bżonn Ewropa iktar konxja mill-kapaċitajiet tagħha, Ewropa iktar indipendenti u li tiddependi inqas fuq fatturi esterni.
Jeħtieġ li bħala Stati Membri nkomplu nappoġġjaw miżuri maħsuba biex isaħħu l-ekonomija Ewropea u li jwasslu għal Suq Uniku Ewropew iktar integrat li jkompli jiffaċilita l-moviment ħieles tal-prodotti, tas-servizzi, tal-kapital, u tan-nies. B’hekk, inkunu nistgħu niggarantixxu li t-tkabbir tal-ġid ekonomiku jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għan negozji tagħha.
Fil-ħidma tagħna lejn Ewropa iktar kompetittiva u iktar reżiljenti, għandna wkoll nenfasizzaw l-importanza tas-simplifikazzjoni u l-infurzar effettiv. Huwa essenzjali li s-Suq Uniku Ewropew ikun jista’ jimxi fuq regoli li huma implementabbli għall-Istati Membri kollha, inkluż pajjiżi żgħar u gżejjer.
Kruċjali wkoll li f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza u sfidi ġeopolitiċi nsibu l-kuraġġ li ma ningħalqux fina nfusna u nagħrfu li l-kummerċ ħieles jibqa’ wieħed mill-aqwa għodod li għandna biex nibnu u nsaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali. Għaldaqstant irridu nkunu proattivi u nagħrfu naħdmu iżjed favur djalogu miftuħ u ta’ rispett reċiproku biex insaħħu r-relazzjonijiet eżistenti u nibnu oħrajn ġodda ma’ sħab internazzjonali.
Barra minn dan, irridu nirrikonoxxu li koeżjoni effettiva tiddependi fuq il-konnettività, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, u n-networks diġitali.
Eċċellenzi, mistednin distinti
Nemmen bis-sħiħ li f’dawn iż-żminijiet ta’ tensjonijiet qawwija, l-ideali u l-valuri li tħaddan l-Unjoni Ewropea huma iktar rilevanti minn qatt qabel: il-valuri tad-dinjità u drittijiet tal-bniedem; il-libertà tal-individwu; id-demokrazija; l-ugwaljanza; is-saltna tad-dritt; u s-solidarjetà. Dawn huma kollha prinċipji nobbli b’saħħithom li għandhom jibqgħu iservu bħala l-gwida u bħala l-kumpass morali tagħna.
F’dan il-kuntest ta’ inċertezza, l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri kollha tagħha, għandha d-dmir u r-responsabbiltà li tiddefendi dawn il-valuri u li tkompli tippromwovihom fil-fora internazzjonali kollha sabiex jiġu rispettati kullimkien.
Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha esperjenzi importanti x’taqsam mal-kumplament tad-dinja. L-istorja Ewropea hija storja ta’ kontinent li ġie mifni u meqrud minn gwerra devastanti, u li wara sab is-saħħa u r-rieda sabiex iħalli il-passat fil-passat, u jpartat il-ġlied u n-nazzjonaliżmu estrem mal-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn il-popli.
B’riżultat ta’ dan, l-Unjoni Ewropea kibret minn komunità ekonomika ta’ sitt pajjiżi f’Unjoni ta’ sebgħa u għoxrin (27) stat. Il-fatt li hemm pajjiżi oħra li jaraw il-futur tagħhom fl-Unjoni Ewropea huwa xhieda ħajja tas-saħħa u l-validità dejjiema ta’ dan il-proġett ambizzjuż u ta’ suċċess.
Għalhekk, Malta temmen li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ proġett ħaj, u li tkompli sservi ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi oħra.
Sfortunatament, il-konflitti madwar id-dinja għadhom għaddejjin b’intensità qawwija u preokkupanti. Eżattament barra l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, l-aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-Ukraina daħlet fil-ħames sena tagħha mingħajr triq ċara lejn il-paċi.
L-eskalazzjoni severa u inkwetanti tat-tensjonijiet militari li rajna reċentement fil-Lvant Nofsani ħalliet eluf ta’ ċivili maqtula u midruba. Minbarra dan, il-konsegwenzi tal-konflitt bejn l-Istati Uniti u l-Iran huwa ta’ impatt iebes fuq il-kumplament tad-dinja, speċjalment fil qasam tal-kummerċ, l-enerġija, u n-navigazzjoni ħielsa.
F’dan l-isfond, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tibqa’ fuq quddiem fid-difiża tad-djalogu bejn in-nazzjonijiet u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet paċifiċi għall-konflitti. Trid tibqa’ difensur ewlieni tas-sistema multilaterali, tal-valuri msejsa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u tal-liġi internazzjonali, inkluża l-liġi internazzjonali umanitarja.
Huwa wkoll importanti li l-Ewropa tibqa’ tkun vuċi b’saħħitha fuq temi attwali, bħat-tibdil fil-klima. Dan il-fenomenu qed ikollu impatt iktar qawwi fuq bosta pajjiżi, partikularment gżejjer u bliet kostali. Dawn ix-xejriet negattivi dejjem ser ikomplu jiżdiedu jekk ma tittieħidx azzjoni kollettiva u determinata. Apparti dan, it-tibdil fil-klima qiegħed ukoll jaggrava s-sitwazzjoni ta’ dawk iċ-ċivili maqbuda fil-konflitt, hekk kif qiegħdin ikollhom jaffaċċjaw ukoll nuqqas ta’ ikel u ilma.
Bl-istess mod, l-immigrazzjoni irregolari għandha tingħata l-importanza li jixirqilha. L-Unjoni Ewropea għandha tkompli taħdem sabiex titnaqqas l-isfruttament u t-tbatija ta’ dawk li qiegħdin ifittxu ħajja aħjar, u jittaffa wkoll l-piż fuq il-pajjiżi li qiegħdin jospitawhom. Għalhekk, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni b’saħħitha, anki ’l hinn mill-fruntieri Ewropej, sabiex jinstabu soluzzjonijiet effettivi u dejjiema.
Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri hija essenzjali f’dan il-qasam, sabiex inkunu qiegħdin niżguraw li l-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni ma jitħallewx weħidhom, u li d-dinjità ta dawk li qed ifittxu ħajja aħjar dejjem protetta u mħarsa.
Is-sitwazzjoni li tirrigwarda l-enerġija u l-konnettività ukoll tirrikjedi l-attenzjoni sħiħa tagħna. Dan huwa qasam ta’ importanza kbira, speċjalment għal gżira bħal ma hija Malta. Għalhekk, nemmnu bis-sħiħ li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet li jaħsbu wkoll f’dawn ir-realtajiet speċifiċi u li jsaħħu r-reżiljenza kollettiva tagħna.
Fl-istess ħin, f’dinja mifnija bil-misinformazzjoni u disinformazzjoni, l-Ewropa għandha tibqa’ l-leħen tas-sewwa. Għandha wkoll taħdem sabiex tassigura li ċ-ċittadini tagħha jkollhom kemm aċċess ħieles għall-informazzjoni, kif ukoll il-ħiliet sabiex ikunu kapaċi jiddistingwu bejn il-fabbrikazzjoni u l-verità.
Fuq kollox, l-Unjoni Ewropea ma tistax titlef ir-ruħ soċjali tagħha. Anzi, hija għandha tkun iffukata fil-ħidma sabiex l-istituzzjonijiet tagħha jersqu iktar viċin iċ-ċittadini Ewropej, sabiex il-kwalità tal-ħajja tagħhom tkun dejjem aħjar u l-preokkupazzjonijiet tagħhom jiġu indirizzati.
Fl-istess waqt, id-diversità li tagħmel din l-Unjoni speċjali u vibranti trid tiġi ppreservata. Jibqa’ importanti li l-identitajiet distinti tal-Istati Membri, inkluż l-ilsna diversi, jibqgħu protetti. Dan filwaqt illi jkun salvagwardat il-bilanċ delikat bejn is-sovranità nazzjonali u l-viżjoni kollettiva kontinentali.
F’dan il-mument fejn qed inkunu konfrontati bi sfidi ġodda, qiegħed dejjem jikber il-bżonn ta’ reżiljenza fl-operat, fil-ħsieb, u f’viżjoni, sabiex dawn l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet.
Hemm bżonn li l-ġenerazzjonijiet ta’ għada ma jarawnix bħala li konna defiċjenti fis-salvagwardja tal-futur li huwa il-preżent tagħhom.
Nagħlaq billi f’isem il-poplu Malti, nagħmel brindisi lill-Ewropa, lill-pajjiżi li jiffurmawha, u lill-popli tagħna.