Ninsab kuntenta li għal darba oħra qed ningħaqad magħkom għal din iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-Caritas f’San Blas.
Illum huwa mument ta’ ċelebrazzjoni biex nonoraw lill-gradwati li l-vjaġġ tagħhom ma kienx faċli. Il-kisba tagħhom hija r-riżultat ta’ kuraġġ, persistenza, sagrifiċċju, u rieda li jaffrontaw veritajiet diffiċli, fosthom li jaffrontaw lilhom infushom.
It-triq lejn dan il-mument żgur li kienet teħtieġ fermezza quddiem id-diffikultajiet, id-dubju, u t-taqbid.
Illum qed ninġabru wkoll biex nirrikonoxxu mhux biss dak li ġie megħlub, iżda wkoll it-tama li xxettlet mill-ġdid.
L-okkażjoni tal-lum hija pass importanti, għaliex tissimbolizza l-mument ta’ twelid mill-ġdid. Ix-xogħol iebes verament jibda meta wieħed jerġa’ lura fid-dinja ta’ barra u jiffaċċja l-pressjonijiet, ir-responsabbiltajiet, u r-realtajiet ħorox tal-ħajja ta’ kuljum. Fosthom wkoll preġudizzju li għad hawn fis-soċjetà tagħna.
F’dawk il-mumenti ta’ diffikultà u dubju, wieħed qatt ma jista’ jinsa minn fejn ġie; u aktar u aktar qatt ma jista’ jinsa l-vjaġġ li mbarka fuqu.
Is-saħħa, id-dixxiplina, u t-tama li bnejtu hawn se jibqgħu magħkom, u se jservukom fis-snin li ġejjin.
Huwa għalhekk li din iċ-ċerimonja hija sinnifikanti. Illum tinsabu lesti biex terġgħu tidħlu lura fis-soċjetà b’dinjità, għarfien personali, u reżiljenza. Dan kienl l-irwol fundamentali tal-Caritas f’dan il-vjaġġ tagħhom.
Il-Caritas mhijiex biss fornitur ta’ riabilitazzjoni. Hija parti vitali mix-xibka tas-sigurtà soċjali ta’ Malta, il-qalb tħabbat tal-empatija, kura, appoġġ u solidarjetà li jgħin biex is-soċjetà tagħna tinżamm magħquda, u f’saħħitha.
Bil-ħidma tagħha, il-Caritas tilħaq lin-nies fl-aktar mumenti vulnerabbli tagħhom u tgħin mhux biss biex jieħdu lura saħħithom fiżika, mentali u emozzjonali, iżda wkoll posthom fil-komunità.
Il-vizzji jibqgħu sfida serja u persistenti fis-soċjetà tagħna. L-evidenza turi li l-problema qed tkompli tiżdied, partikolarment bil-pressjonijiet li jiffaċċjaw il-familji, il-komunitajiet, u dawk li qed ifittxu kura.
Il-Caritas u organizzazzjonijiet oħra li joperaw f’dan is-settur qed ikomplu jerfgħu responsabbiltà kbira biex tiġi indirizzata din ir-realtà.
Tul l-aħħar ġimgħat, il-Gvern, permezz tal-ħidma u l-isforzi konġunti tagħkom, l-OASI u s-Sedqa, fassal pjan biex jiġi kkontrollat l-użu rikreattiv tal-laughing gas. Iżda dejjem jibqa’ ħafna aktar xi jsir biex jiġu ndirizzati problemi relatati mad-droga.
Ix-xogħol tal-Caritas huwa ċ-ċavetta tas-suċċess għar-residenti kollha, inkluż intom hawn preżenti llum għall-gradwazzjoni tagħkom.
Il-vjaġġ li tibdew intom mar-residenti tagħkom joffri l-wens għal dawk li jkunu waqgħu fid-dipendenza, u tul dan il-vjaġġ, tgħallmuhom kif għandhom jistrutturaw ħajjithom u trawwmu fihom sens ta’ dixxiplina li jgħin fil-bidla tal-individwu.
Flimkien ma’ dawk li jitħabtu mal-vizzju, il-Caritas testendi wkoll l-appoġġ tagħha lill-familji li jġorru dan il-piż kuljum mar-residenti tal-Caritas.
Il-familja ġġorr t-tensjoni emozzjonali u finanzjara, hekk kif tipprova tappoġġja, u tipproteġi lil membru tal-familja tagħha li jkun għaddej minn din l-esperjenza qarsa.
Għalhekk li l-Caritas tagħti t-tama mhux biss lir-residenti tagħha, iżda lill-familji tagħhom ukoll.
L-impatt soċjali li qed tħalli l-Caritasfuq it-tessut soċjali huwa kbir, u dan mhux biss bil-programmi vasti li toffri, iżda anke bil-proċess ta’ integrazzjoni tal-klijenti tagħha lura fis-soċjetà u mhux l-anqas billi titqajjem kuxjenza u jiżdied l-għarfien tal-poplu in ġenerali dwar dawn is-sitwazzjonijiet.
Wieħed jilqa’ bi gratitudni u apprezzament l-aħbar li l-fondazzjoni se tiftaħ il-bibien tagħha b’residenza ‘after care’ għal dawk il-persuni li jkunu waslu fl-aħħar fażi tal-programm ta’ riabilitazzjoni tagħhom.
Din l-akkomodazzjoni ser toffri għajnuna f’forma ta’ kontinwità, li biha l-klijenti ser ikunu jistgħu jsibu saqajjhom aktar malajr, b’dinjità lura fil-komunità.
Il-fażi ta’ bejn it-tmiem tal-programm tal-Caritas u l-assimilazzjoni lura fis-soċjetà huwa wieħed sensittiv u kumpless, fejn wieħed irid ikun viġilanti li ma jkunx hemm relapses u ippermettuli ngħid li huwa importanti wkoll li jibni kurazza biex il-ġudizzju u l-preġudizzji mhux f’waqthom u mhux f’posthom, ma jimbuttawhomx mill-ġdid lejn l-abbissi.
Qabel nagħlaq nixtieq mill-ġdid nifraħ lill-gradwati kollha li qegħdin niċċelebraw magħhom illum. Nifraħ ukoll lill-familjari tagħhom li m’għandix dubju kienu ta’ sapport għalihom biex wasslu s’hawn. Kunu kburin bihom.
Il-gradwati tagħna wrewna biċ-ċar kemm huma b’saħħithom u determinati li jirnexxu u li jbiddlu ħajjithom.
Għeżież gradwati, minn naħa tiegħi ngħidilkom biss biex ma taqtgħu qalbkom qatt. Ibqgħu ftakru minn xiex għaddejtu biex wasaltu s’hawn u ibqgħu aħdmu u stinkaw biex tilħqu l-għanijiet tagħkom. Tinsew qatt li kull wieħed u waħda minnkom għandu valur kbir.
Emmnu fikom infuskom u tirnexxu dejjem. Il-ħbieb u l-familji tagħkom, dawk li jħobbukom, għandhom bżonnkom.
Pajjiżna wkoll għandu bżonnkom!
Grazzi.