Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

L-indirizz tal-President ta’ Malta waqt il-Pulic Service Awards 2026

Għat-tielet sena konsekuttiva qed ningħaqad magħkom għal edizzjoni oħra tal-Premjijiet għas-Servizz Pubbliku.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-illejla taħbat fl-istess perjodu li fih jiġi mfakkar il-Jum Dinji għas-Servizz Pubbliku tan-Nazzjonijiet Uniti, okkażjoni ddedikata biex tagħti ġieħ lill-valur, lid-dedikazzjoni u lill-kontribut tas-servizz pubbliku fil-ħajja tal-komunitajiet.

Hekk kif illum qed nagħtu ġieħ lill-kontribut eċċellenti tal-uffiċjali pubbliċi għas-servizz tagħhom lejn il-pubbliku, fil-komunitajiet tagħna, huwa essenzjali wkoll li napprezzaw il-ħidma kontinwa li qed issir sabiex dan is-servizz ikompli jissaħħaħ, jiġġedded u jwieġeb aħjar għar-realtajiet tal-lum.

Din il-ħidma hija ta’ importanza kbira meta wieħed jikkonsidra kemm huma meħtieġa dawn is-servizzi għall-pubbliku, u kemm il-kwalità tagħhom tħalli impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini.

Is-servizz pubbliku mhuwiex statiku.

Matul is-snin, dan evolva f’organizzazzjoni ħajja u dinamika, li kapaċi tadatta ruħha għall-bidliet tas-soċjetà u għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-poplu.

Huwa servizz li jiġġedded sena wara sena permezz tas-sinerġija bejn l-impjegati tiegħu u n-nies li jaqdi.

Din is-sinerġija trid tkompli tissaħaħ u tiżdied u tintensifika ruħha meta s-servizzi mogħtija qegħdin jiżdiedu, isiru aktar speċjalizzati u ffukati fuq il-bżonnijiet tal-klijenti li jaċċessawhom, f’soċjetà li qed issir dejjem aktar esiġenti u interkonnessa.

Is-sostenibbiltà u l-ekwità fit-tfassil tas-servizzi liċ-ċittadini jagħmlu lis-servizz pubbliku wieħed mill-pilastri essenzjali ta’ stat demokratiku modern.

Is-servizz pubbliku huwa l-istruttura li tiżgura li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’serjetà, b’kontinwità u b’responsabbiltà lejn il-poplu.

F’dinja li qed tinbidel kontinwament — bi sfidi ekonomiċi, teknoloġiċi, soċjali u ambjentali dejjem ġodda — il-ħidma tagħkom hija kruċjali sabiex il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem b’stabbiltà u fiduċja.

Is-servizz li jagħti kull wieħed u waħda minnkom jista’ jitqies bħala missjoni li tħaddan kull qasam tas-soċjetà tagħna: miż-żamma tal-ordni fil-pajjiż, għall-għoti tal-kura u l-għajnuna fis-settur tas-saħħa, milll-edukazzjoni li tingħata lill-uliedna wara l-bankijiet tal-iskola, sas-sotenn kontinwu ippermjat fuq il-bżonnijiet tal-persuni, f’kull età, f’kull stadju u perjodi ta’ ħajjithom, b’mod individwali, fiċ-ċelloli familjali, fil-kolletività tgal-ibliet u tal-irħula.

Fl-intervent tiegħi tas-sena l-oħra tkellimt dwar l-importanza taż-żamma tal-kontinwità ta’ din il-vokazzjoni sabiex tinżamm l-istabbiltà fis-servizzi mogħtija, speċjalment f’mumenti ta’ bidliet, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali.

Din l-importanza tidher b’mod partikolari fi żminijiet ta’ elezzjoni ġenerali, bħal dawk li għaddejna minnhom ftit tal-ġimgħat ilu.

F’mumenti meta l-pajjiż ikun qiegħed jiddiskuti viżjonijiet differenti għall-futur tiegħu, is-servizz pubbliku jibqa’ l-element ta’ kontinwità li jżomm il-magna tal-istat taħdem b’serenità, b’stabbiltà u bi professjonalità.

Il-ħidma professjonali tagħkom tassigura li ċ-ċittadin jibqa’ jirċievi s-servizzi essenzjali, l-istituzzjonijiet jibqgħu jiffunzjonaw, u l-istat iżomm il-kredibiltà tiegħu.

Dan jirrikjedi mhux biss kompetenza teknika, li hija l-fulkru li fuqha jissejjes is-Servizz Pubbliku, iżda wkoll sens qawwi ta’ imparzjalità, lealtà lejn il-Kostituzzjoni u rispett lejn il-prinċipji demokratiċi.

Huwa proprju għalhekk li s-servizz pubbliku huwa mibni fuq prinċipji ta’ etika, trasparenza u kontabilità.

Iżda, il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet ma tinbeniex biss permezz ta’ liġijiet jew policies, iżda permezz tal-esperjenza ta’ kuljum tan-nies meta jiltaqgħu magħkom, meta jħossu li hemm min jismagħhom, u meta jiġu trattati b’dinjità, rispett u sens ta’ ġustizzja.

Għalhekk, is-Servizz Pubbliku għandu dejjem ikun iggwidat mill-ġudizzju, mill-kuxjenza, minn sens profond ta’ responsabbiltà etika, u fuq kollox minn lealtà profodna lejn il-poplu.

Iċ-ċittadini għandhom jiġu trattati b’dinjità u rispett, mingħajr ma tiġi eżerċitata ebda diskriminazzjoni, u dan il-prinċipju huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni tagħna.

Fiż-żmien reċenti, fis-Servizz Pubbliku saru passi importanti biex insaħħu dan l-ispirtu ta’ integrità. Rajna t-tisħiħ tal-Kodiċi tal-Etika, li jenfasizza l-integrità, ir-rispett u l-lealtà bħala valuri ewlenin li jġorru magħhom ħafna obbligi anċillari.

Rajna wkoll l-introduzzjoni ta’ policies kontra l-frodi u l-korruzzjoni, mezzi ta’ rappurtar ta’ abbuż b’mod anonimu u sikur, awditjar intern aktar b’saħħtu, u riformi fis-sistema tal-ġustizzja mfassla biex isaħħu r-responsabbiltà u t-trasparenza.

Infakkar lill-uffiċjali pubbliċi li għandhom jibqgħu jaġixxu skont il-policies u l-proċeduri uffiċjali tal-gvern, imqiegħed hemm mill-maġġoranza tal-poplu u li allura, jissottolinja l-istess sovranità tal-poplu.

Huwa għalhekk li l-uffiċċjali pubbliċi għandhom ikunu leali lejn l-Amministrazzjoni tal-ġurnata fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, mingħajr ma jdgħajfu jew inaqqsu l-fiduċja pubblika permezz tal-imġieba tagħhom mal-klijenti tas-servizz, in-nies, il-pubbliku.

Qed ngħixu fi żmien meta l-pressjonijiet fuq is-Servizz Pubbliku qed jikbru, u l-aspettattivi taċ-ċittadini dejjem aktar għoljin.

Minn ġurnata għall-oħra, id-domanda biex toffru aktar servizzi u twassluhom fl-iqsar żmien possibbli qed tkompli tiżdied.

Hawnhekk għandu jkun rikonoxxut l-irwol importanti tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni fit-twessiegħ tal-aċċessibilità tas-Servizz Pubbliku fil-ġurnata tal-illum. Il-mod kif il-persuna tilħaq is-servizz li tkun teħtieġ, kif is-Servizz pubbliku hekk jilħaq il-bżonn tal-persuni u dan fl-iqsar żmien possibbli.

Huwa għalhekk li s-Servizz Pubbliku adotta għodod u teknoloġiji ġodda, konxju tal-progress teknoloġiku globali, biex jiżgura li l-provvista tas-servizz issir dejjem aktar effiċjenti u aċċessibbli.

Dan sar ukoll grazzi għall-impenn u l-viżjoni tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, li jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal tat-teknoloġija bħala mezz biex jitjieb is-servizz lejn iċ-ċittadin. Tony Sultana huwa espert fil-mod kif iressaq l-istrutturi eqreb lejn iċ-ċittadin. Dan diġa esperjenzajnih tul dawn l-erba’ snin li ilu fil-kariga tiegħu.

Rakkomandabbli li f’April li għadda ġiet mnedjia l-istrateġija ġdida fuq medda ta’ tliet snin li ser tkun kruċjali biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ jiffunzjona b’mod għaqli u jibqa’ b’saħħtu u fl-istess waqt dinamiku fit-twettiq tal-għoti tas-servizzi lill-pubbliku.

L-istrateġija tara li tolqot l-oqsma kollha biex tiġi assigurata l-inklussività, l-aċċessibilità, il-komunikazzjoni u l-ippjanar strateġiku fit-tul.

Din l-istrateġija hi awgurju tajjeb biex ikompli jissaħħaħ is-Servizz Pubbliku, u s-Servizz Pubbliku jkollu l-għodod kollha neċessarji, jkun dejjem kontemporanju, effiċjenti u jilħaq u jkun milħuq mill-poplu.

Is-Servizz Pubbliku huwa intom, kull wieħed u waħda minnkom individwalment, iżda fuq kollox, flimkien, fid-dipartimenti u entitajiet li fihom tagħtu l-ħidma u l-kontirbut tagħkom u kif fl-aħħar mill-aħħar, din il-ħidma tagħqad, tingħaġen, u ssir waħda impenjata fl-iskop ewlieni, aħħari u kolletiv ta’ Servizz mogħti b’empatija, b’umanita’ u b’rispett lill-poplu kollu.

Xtaqt nagħlaq billi nifraħ lil dawk kollha li l-eċċellenza tagħhom qed tiġi rikonoxxuta llejla. L-eċċellenza titwieled mid-dedikazzjoni ta’ kuljum.

Qabel nagħlaq inħabbrilkom illi, din is-sena, fiċ-ċirkostanzi li niesna u pajjiżna ffaċċjaw kawża tal-Maltempata “Storm Harry”, li seħħet f’Jannar, u l-mod kif dawn ġew indirizzati, inħass li għandu jkun hemm rikonoxximent speċjali.

L-isfidi li ġabet magħha din il-maltempata kienu bosta, u sew waqt, u wara l-maltempata, il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku ħadmu bla waqfien, biex jiżguraw is-sigurtà tal-pubbliku, jirrestawraw servizzi essenzjali, u jindirizzaw bl-aħjar mod effettiv, l-emerġenzi li nqalgħu.

Dan għamluh b’dedikazzjoni kbira, b’impenn, u professjonalità, fis-sinerġija bejn l-unitajiet u d-dipartimenti involuti.

L-impenn u l-ħidma konġunta tagħkom lkoll, għenet biex iċ-ċittadini tagħna baqgħu sikuri, u jħossu lilhom infushom protetti u mwennsa.

Il-poplu Malti jinsab grat għal xogħlkom u għal ħidma tagħkom.

Nawguralkom li tibqgħu twettqu l-missjoni tagħkom b’kuraġġ, b’umiltà u b’determinazzjoni, dejjem għall-ġid tal-komunitajiet tagħna u tal-poplu tagħna, li b’tant imħabba għandna nfittxu li nservuh.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.