Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-E.T. Myriam Spiteri Debono waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Ġwanni XXIII

Għat-tielet sena qed ningħaqad magħkom hawn fil-Palazz ta’ San Anton għal edizzjoni oħra tal-Premju Papa Ġwanni XXIII.

Papa Ġwanni XXIII jibqa’ mfakkar għas-sens ta’ tjubija li wera tul il-Papat tiegħu, speċjalment l-għożża tiegħu lejn il-vulnerabbli, l-imnikket u l-batut.

Waħda mill-frażijiet li baqgħu sinonimi mal-karattru ferrieħi tal-Papa Ġwanni XXIII kienet din:

Il-bnedmin nqabbilhom mal-inbid – xi wħud jiqrasu u jsiru ħall, iżda l-aqwa minn fosthom, jitjiebu biż-żmien.

Din il-frażi nistgħu napplikawha għall-mod kif wettaq u għadu jwettaq il-ħidma tiegħu Patri Dijonisju Mintoff, li minkejja l-eta’ ta’ ħamsa u disgħin (95) sena, għadu joffri l-enerġija kollha tiegħu fil-ħidma favur dawk fil-bżonn.

Din is-sena stess, Patri Dijonisju ser jagħlaq sebgħin (70) sena Patri, li matulhom, propju ħamsa u ħamsin (55) sena ilu, huwa beda jaħdem b’mod attiv u dirett mal-batut, bil-valuri tal-inklużjoni, solidarjeta’ u ġenerożita fil-qalba ta’ din il-ħidma.

Il-Laboratorju Tal-Paċi, li twaqqaf wara appell tal-istess Papa Ġwanni XXIII biex tiġi promossa u mifruxa l-paċi fost il-ġnus u l-pajjiżi, għadu relevanti mhux daqs kemm kien meta infetaħ, iżda ħafna u ħafna aktar.

F’dinja fejn naraw żieda ta’ attakki u diskriminazzjoni fuq gruppi minħabba twemmin, ġeneru jew kulur tal-ġilda, hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza, edukazzjoni, ħidma u azzjoni. Dan japplika bl-istess mod għall-pajjiżna.

Minkejja l-progress, jidher li ċertu temi bħal dawn imsemmija għadhom jiġu b’tiketta ta’ tabu’ fost bosta, u minħabba sterjotipi jew kunċetti żbaljati, qed jiġu mminati individwi, nuqqas ta’ dinjità lill-uman.

Huwa għalhekk li l-importanza tal-Laboratorju tal-Paċi hija essenzjali għas-soċjeta’ Maltija minħabba li tiffoka fuq il-ħidma komunitarja, li tippromwovi l-inklużjoni.

L-għoti tal-Premju Ġwanni XXIII fuq inizjattiva diretta tal-Laboratorju tal-Paċi imur lil hinn minn sempliċement premjazzjoni lill-istudenti li wrew mġieba superjuri, jibgħat messaġġ ferm aktar b’saħħtu minn hekk.

Il-valur tal-premju jinsab fil-ġesti innoċenti u spontanji tat-tfal, ġest li jissarraf f’solidarjetà’, empatija, mogħdrija u fuq kollox imħabba mingħajr fruntieri u mingħajr kundizzjonijiet.

L-imħabba bħal tat-tfal hija l-aqwa espressjoni ta’ rispett bejn bniedem u ieħor u għalhekk, kull adult għandu jeħodha bħala eżempju, bħala bażi tal-paċi bejn individwi u ġnus.

Il-paċi tieqaf milli tkun kunċett astratt meta tifel jew tifla jiddedika parti mill-ħin liberu tiegħu jew tagħha biex jgħinu lill-sħabhom li qed ibatu minħabba ċirkostanzi differenti li ġġib magħha l-ħajja; hawn il-paċi ma tibqax kunċett, issir tanġibbli, tieħu l-ħajja.

Sena wara sena, dan il-premju jfakkarna li anke l-iżgħar ġesti jista’ jkollhom effett profond.

Kelma ta’ inkoraġġiment, id estiża b’ħbiberija, mument ta’ inklużjoni, jew att sempliċi ta’ appoġġ, jistgħu jibdlu l-esperjenza ta’ persuna oħra b’modi li ħafna drabi huma ferm akbar milli nirrealizzaw.

Dawn huma t-tipi ta’ atti li jibnu l-fiduċja, isaħħu r-relazzjonijiet, u jgħinu biex tinħoloq soċjetà aktar umana. Mhux dejjem jiġbdu l-attenzjoni, iżda importanti li jingħataw viżibilità, partikularment viżibilità li tilħaq il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, liż-żgħar tagħna.

Illum qed ninġabru biex nirrikonoxxu lil Jayana Chircop, mill-iskola primarja tar-Rabat li qed tirċievi l-Premju Papa Ġwanni XXIII ta’ din is-sena.

A-bażi ta’ kuljum, Jayana volontarjament tagħmel li tista’ biex tgħin studenta ħabiba tagħha, Cataleya, fix-xogħol tal-iskola, u billi tassistija fl-ambjent tal-iskola.

Permezz ta’ dan l-att, Cataleya tħossha inkluża, mhux biss fil-klassi iżda lil hinn.

Xi ħaġa ferm sabiħa li toħroġ minn dan il-ġest nobbli li tagħmel Jayana huwa li tagħmel dan kollu mhux għax tħares lejn Cataleya b’ħasra, iżda għax verament tħoss li minkejja l-kundizzjoni tagħha, għandha tgawdi u t’esperjenza l-ħajja bl-aqwa mod possibbli.

Fuq kollox, wara dak kollu li għaddiet minnu Jayana f’ħajjitha, anke ta’ din l-età żgħira, ma ħallitx li n-negattività tieħu r-riedni f’ħajjitha u għażlet li tpoġġi s-solidarjetà fuq nett tal-prijoritajiet tagħha biex tkun tista’ tgħin lil ħaddieħor.

Meta nagħmlu dan, aħna nirrikonoxxu mhux biss azzjoni speċifika, iżda l-ispirtu li ispiraha. Jayana uriet li t-tjubija tgħixha bl-imġieba ta’ kuljum, permezz tas-sinċerità, u permezz ta’ ħsieb ġenwin għall-oħrajn.

Persuni bħal Jayana huma n-nies li l-ġenerożità tagħhom tarrikkixxi l-ħajja ta’ ħaddieħor, fil-kwiet tkattar l-inklużjoni li tnissel armonija fil-komunità.

Filwaqt li nirringrazzja lil Jayana ta’ dan il-ġest, u nifirħilha tar-rikonoxximent li għadha kif irċeviet, nixtieq nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li jippromwovu din l-inizjattiva.

J’Alla nkomplu nrawmu l-valuri tal-ġustizzja, l-empatija, ir-rispett, u s-solidarjetà fid-djar tagħna, fl-iskejjel tagħna, fil-postijiet tax-xogħol tagħna, u fil-komunitajiet tagħna. Jekk nagħmlu dan, ngħinu biex insawru futur aħjar għal kulħadd.