Midja
It-Tlieta filgħaxija, fil-Palazz ta’ Sant’Anton sar kunċert mill-vjolinist Stefan Calleja u l-pjanista Stephanie Quintano.
Iċ-ċerimonja, li hi parti minn sensiela ta’ attivitajiet fil-proċess tal-kawża ta’ beatifikazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani, kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Fid-diskors tagħha, il-President tkellmet dwar il-legat tal-koppja Casolani, li ħalliet marka ta’ ġid spiritwali, ta’ mħabba lejn il-proxxmu u ta’ xhieda Nisranija u fissret i l-kawża għall-Beatifikazzjoni tagħhom bħala xhieda ta’ kemm il-ġid li jagħmel il-bniedem jibqa’ jgħix fil-qalb u l-moħħ tal-komunità.
Il-President aċċennat ukoll il-fatt li Henry u Inez għexu żmien diffiċli, inklużi s-snin tal-gwerra, iżda qatt ma tilfu l-paċi interjuri u l-fiduċja tagħhom, u għexu ħajja mibnija fuq it-talb, ir-rispett reċiproku u sens qawwi ta’ servizz lejn min kien fil-bżonn.
Matul iċ-ċerimonja, l-organizzaturi għaddew ukoll donazzjoni b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.


