Midja

Waqt ċerimonja li saret fil-Komunità Santa Marija, ċentru ta’ rijabilazzjoni mmexxi minn Sedqa Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet lil grupp ta’ individwi li lestew programm kontra l-vizzji. Ġew rikonoxxuti wkoll qraba li kienu parti minn dan il-vjaġġ.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta rrikonoxxiet il-vjaġġ straordinarju ta’ reżiljenza, tama u bidla ta’ kull wieħed u waħda minn dawk li ggradwaw, u fissret din is-serata bħala l-ewwel pass ta’ bidu ġdid.
Il-President irrikonoxxiet ukoll l-għajnuna li s-Sedqa offriet lil dawk maħkuma mill-vizzji u l-impenn tal-aġenzija b’risq il-prevenzjoni. Matul is-sena li għaddiet, is-Sedqa għenet lil 2,037 persuna bi problemi ta’ vizzji u organizzat iktar minn 4,100 sessjoni ta’ informazzjoni fi skejjel madwar Malta u Għawdex.
Fi tmiem id-diskors tagħha, il-President wasslet ukoll messaġġ li fs-soċjetà tagħna hemm bżonn jonqos il-preġudizzju. Kliemha kien li “min hu vittma jeħtieġ għajnuna u mhux kundanni.”