Midja

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann il-Battista, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għal ċelebrazzjoni organizzata mill-Ambaxxata tal-Ordni Sovrana Militari Ospitaliera ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta tkellmet dwar ir-rabta mill-qrib bejn Malta u l-Ordni ta’ San Ġwann, li tmur lura 500 sena u hi evidenti fil-wirt kulturali u arkitettoniku li għadna ngawdu sal-lum.
Il-President Myriam Spiteri Debono rreferiet għall-valuri komuni ta’ kumpassjoni u umanità ta’ Malta u l-Ordni ta’ San Ġwann, u rrikonoxxiet ir-rwol umanitarju importanti li taqdi l-Ordni llum-il ġurnata, b’mod speċjali man-nisa, tfal u dawk l-iktar vulnerabbli, partikolarment f’żoni ta’ kunflitt madwar id-dinja u f’postijiet fejn hemm it-tbatija u l-isfidi soċjali.