Midja
L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ The Ball of the August Moon, b’risq The Malta Community Chest Fund, se ssir is-Sibt, l-1 ta’ Awwissu, fil-Kastell Verdala.
Dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien spjegat kif The Ball of the August Moon ta’ din is-sena se jżomm mat-tradizzjoni ta’ ikel u xorb tal-ogħla kwalità waqt li dawk li se jattendu se jgawdu wkoll divertiment mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, b’repertorju ta’ mużika varjata segwita minn mużika kontemporanja u żfin sa tard bil-lejl.
Meta kienet qed tindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono fissret dan il-Ballu bħala waħda mill-attivitajiet prinċipali li l-iktar irendu fondi neċessarji biex il-Malta Community Chest Fund tkompli taqdi l-missjoni tagħha.
Għalhekk il-President appellat għall-konkorrenza, biex l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata li fakkar kif dan il-Ballu storiku ilu jkun organizzat sa mill-1958, u bħal dejjem se jżomm it-tradizzjoni ta’ livell għoli ta’ kwalità li jagħmel din is-serata waħda memorabbli.
Min-naħa tagħha Sina Bugeja, Chairperson ta’ The Malta Community Chest Fund aċċennat li l-Fondazzjoni tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonnha sa mill-mument li jingħataw l-aħbar li huma affettwati mill-mard, kif ukoll lill-qraba tagħhom. Waqt li nnutat li l-Fondazzjoni mhux biss tgħin finanzjarjament imma wkoll psikoloġikament u soċjalment, Sina Bugeja appellat għall-konkorrenza biex jinġabru fondi tant importanti għall-missjoni tal-MCCF.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif is-sena li għaddiet dawk li attendew kellhom sorpriża hekk kif grupp ta’ żeffiena ħolqu żifna li permezz tagħha qajmu mill-ġdid il-leġġenda tal-Blue Lady, li jingħad li tidher fil-Kastell Verdala. Min jaf jekk din is-sena The Ball of the August Moon għandux sorpriża oħra merfugħa għal matul is-serata?


