Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tiltaqa’ mal-ħaddiema li qed iħejju għall-Ball of the August Moon ta’ din is-sena

Għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ball of the August Moon; it-tielet edizzjoni taħt il-Presidenza tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.

Waqt li żaret il-Kastell Verdala, fejn għada se jsir dan il-Ballu storiku b’risq il-Malta Community Chest Fund, il-President ta’ Malta segwiet l-aħħar tħejjijiet u ltaqgħet mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u ta’ entitajiet privati li qed jaħdmu bla heda biex dawk kollha li jattendu jgawdu esperjenza unika.

F’kummenti lill-midja, il-President irrikonoxxiet il-ħidma li ilha għaddejja għall-aħħar ġimgħat, u li wasslet biex kienet irreġistrata żieda konsiderevoli fil-konkorrenza għall-edizzjoni ta’ din is-sena, tant li sa ġimagħtejn ilu kienu nbiegħu l-biljetti kollha disponibbli.

Kien spjegat ukoll kif din is-sena ngħatat attenzjoni partikolari biex matul il-Ballu tispikka l-arkitettura tal-Kastell Verdala, b’tiżjin li jinkludi bandalori li jirriflettu l-istorja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, waqt li jiġi offrut repertorju varjat ta’ divertiment, minn klassiku sa modern, li jikkumplimenta l-istorja tal-Kastell.

Il-President irringrazzjat lil dawk kollha li se jattendu għall-Ball of the August Moon ta’ din is-sena, fosthom diplomatiċi minn missjonijiet barranin li jservu f’pajjiżna. L-Eċċellenza Tagħha fakkret li din l-attività hi waħda mill-ewlenin u li l-iktar irendu fondi neċessarji għall-missjoni tal-Malta Community Chest Fund, li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn tkompli tappoġġja lil dawk kollha li jirrikorru għandha għal għajnuna finanzjarja, psikoloġika u soċjali.

Il-Ball of the August Moon ta’ din is-sena qed isir bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, Enemed, Marsovin u Happy Initiative, fost diversi entitajiet governattivi u privati oħra.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.