Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

The Malta Motorsport Federation Festival Għall-Istrina fl-20 ta’ Settembru

Fl-20 ta’ Settembru, fil-Ħal Far Motor Way, se jsir The Malta Motorsport Federation Festival Għall-istrina, fuq ideja ta’ The Malta Motorsport Federation.

Organizzat mill-istess Federazzjoni fimkien mal-Malta Community Chest Fund (MCCF), li se tibbenefika mid-dħul, din l-inizjattiva ġdida se tiġbor flimkien mijiet ta’ karozzi lussużi, sportivi u klassiċi, kif ukoll muturi u trakkijiet f’post wieħed għal dik li mistennija tkun waħda mill-ikbar attivitajiet tax-xorta tagħha f’Malta.

L-attività tnediet fil-Ħal Far Race Way, fejn se ssir l-attività, waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u Duncan Micallef, President tal-Malta Motorsport Federation.

Il-President fissret kif dan il-festival nibet mix-xewqa li tingħaqad il-passjoni ta’ eluf ta’ dilettanti lokali tal-motorsport ma’ għan nobbli b’risq il-Malta Community Chest Fund.

L-Eċċellenza Tagħha aċċennat il-ħidma li ilha għaddejja għal diversi xhur biex din l-attività tinkorpora fiha diversi elementi u jkun żgurat li dawk kollha li jattendu jgawdu ġurnata sħiħa ta’ divertiment għall-familja kollha.

Fuq kollox, il-President Myriam Spiteri Debono enfasizzat li din l-attività qed issir biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund, biex tkompli taqdi l-missjoni tagħha li tgħin lil dawk kollha li jirrikorru għandha għal-għajnuna.

Min-naħa tiegħu Duncan Micallef spjega kif matul The Motorsport Federation Festival Għall-istrina it-trakka tal-kwart ta’ mil se tinbidel b’wirja statika ta’ ammont kbir ta’ karozzi, waqt li fl-istess ħin se jkunu għaddejjin ukoll spettakli tal-karozzi, fosthom wirja ta’ drag racing organizzata mill-Malta Drag Racing Association.

Il-Festival se jkun mifrux matul il-ġurnata kollha, u dawk li jattendu jistgħu jagħmlu użu wkoll minn car simulators, go karting u attivitajiet għall-familja li jinkludu ikel, xorb u divertiment. Diversi importaturi lokali tal-karozzi wkoll ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom, billi jesebixxu l-vetturi.

Il-biljetti huma disponibbli diġa’ fuq is-sit showshappening.com, għal €10 għall-adulti u €5 għat-tfal.

Sidien ta’ vetturi, kemm dawk li huma membri ta’ klabbs kif ukoll dawk li mhumiex u li jixtiequ jkunu parti minn din l-attività billi jesebixxu jistgħu jagħmlu dan billi jiksbu biljett apposta minn fuq is-sit showshappening.com.

The Motorsport Federation Festival Għall-istrina hu possibbli grazzi għall-għajnuna ta’ Transport Malta, LESA, il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li qed jassistu fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività.

Din l-attività hi appoġġjata wkoll mis-Social Causes Fund, Enemed, Visit Malta, Malta Drag Racing Association u l-Malta Motorsport Federation.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.