Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza t-tnedija tal-kalendarju tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali

Nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal din il-konferenza stampa li permezz tagħha qegħdin inniedu dan il-kalendarju ta’ attivitajiet, tal-kampanja għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, imnedija mis-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali.

Dan il-kalendarju jinvolvi fih ġabra ta’ attivitajiet li jistidenu lilna lkoll biex nitkellmu, nisimgħu, nitgħallmu u, fuq kollox, naġixxu dwar is-saħħa mentali.

Din is-sena timmarka l-aħħar sena tat-tema internazzjonali ta’ tliet snin, “Nibdlu n-Narrattiva dwar is-Suwiċidju” – sejħa lil kull individwu, kull komunità u kull gvern biex ngħaddu minn kultura ta’ silenzju u taboo għal waħda ta’ tagħrif, informazzjoni u appoġġ.

Minkejja l-progress kbir li sar fl-għarfien, fil-kura u fis-servizzi offruti, is-saħħa mentali għadha, f’ċerti ċirkustanzi, imdawra bis-skiet, bil-mistħija, bil-preġudizzju u wkoll bil-biża’ mill-ġudizzju ta’ ħaddieħor.

L-istigma ma żżommx biss lill-persuna siekta, iżda titfagħha fi kriżi interna ttellgħa u tniżżel jekk titlobx għajnuna, u taf ixxekkilha milli tersaq biex tgħin ruħha permezz tas-servizzi offruti.

Għalhekk, kull diskors dwar is-saħħa mentali għandu jibda mill-prinċipju li kull persuna għandha tiġi milqugħa bid-dinjità, mismugħa mingħajr preġudizzju u megħjuna mingħajr kundizzjonijiet.

Il-promozzjoni ta’ saħħa mentali aktar sana għandha tkun waħda olistika. Jeħtieġ approċċ li jgħaqqad lill-professjonisti tas-saħħa mal-edukaturi, mal-ħaddiema soċjali, mal-awtoritajiet lokali, mal-għaqdiet volontarji, mal-postijiet tax-xogħol u mal-familji.

Matul l-2025 biss, il-linja nazzjonali 1579 irċeviet aktar minn 10,000 telefonata. Wara kull telefonata hemm persuna li ddeċidiet li ma tibqax waħedha mal-ħsibijiet jew mal-biżgħat tagħha.

Dan is-servizz, imħaddem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum minn professjonisti tal-psikoloġija, joffri sostenn emozzjonali immedjat, u pariri u gwida dwar is-servizzi disponibbli.

L-għarfien ineħħi l-istigma u jwassal għall-fejqan. Huwa għalhekk li l-ħidma li ser titwettaq mid-Dipartiment Nazzjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali matul is-sena li ġejja hija importanti.

Il-ħidma attiva tad-direttorat qed tiffoka wkoll biex tirrikonoxxi l-isfidi marbuta mal-benesseri diġitali, fosthom l-użu problematiku tal-midja soċjali u tal-logħob diġitali. It-teknoloġija tista’ tgħaqqadna, iżda tista’ wkoll iżżid l-iżolament, l-ansjetà u l-espożizzjoni għall-bullying.

Għalhekk irridu ngħinu liż-żgħażagħ jużawha b’mod għaqli u nagħtuhom spazji fejn jistgħu jitkellmu mingħajr biża’ jew ġudizzju.

Aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, aktar irridu nirsistu biex persuni li jbatu mis-saħħa mentali jagħmlu l-ewwel pass u jfittxu l-għajuna.

Irridu nkunu minn ta’ quddiem biex nibnu soċjetà fejn li titlob l-għajnuna jitqies bħala att ta’ kuraġġ u mhux bħala sinjal ta’ dgħufija.

Huwa għalhekk li l-inizjattivi tad-Direttorat għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali huma intiżi biex jilħqu lill-istudenti, lill-ħaddiema, lill-ġenituri, lill-anzjani, lill-komunitajiet barranin li jgħixu fostna u lil dawk kollha li, għal xi raġuni jew oħra, jistgħu jħossuhom maqtugħin jew minsija.

Inħeġġeġ biex ikun hemm rispons qawwi u magħqud minn entitajiet governattivi u non-governattivi sabiex din il-promozzjoni tassew tkun effettiva u tgħin lil dawk bżonn l-għajnuna, partikularment għajnuna li ttihom mill-ġdid tama għall-ġejjieni u l-forza fiżika u mentali biex jiffaċjaw l-isfidi li l-ħajja taf tpoġġi quddiem kull wieħed u waħda minna.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.